Id-Dizzjunarju Nazzjonali tal-Malti

Il-Programm Permanenti ta' Riċerka tad-Dizzjunarju Nazzjonali tal-Malti

Bejn l-1987 u l-1999, il-Prof. Ġużè Aquilina ħadem b'dedikazzjoni kbira d-dizzjunarju tiegħu f'żewġ direzzjonijiet, Malti-Ingliż (2 vol.) u Ingliż-Malti (4 vol.). F'dan ix-xogħol kien sab għajnuna kbira kemm mill-Università u akkademiċi impjegati magħha  kif ukoll minn Midsea Books Ltd, il-pubblikaturi tax-xogħol, barra entitajiet pubbliċi oħra.

Illum is-sitwazzjoni nbidlet mhux ftit għall-inqas minn żewġ aspetti. Qabelxejn, il-lingwa Maltija baqgħet tinbidel b'ritmu mgħaġġel u kibru ħafna l-istudju u d-dokumentazzjoni tagħha. Ix-xjenza tal-elettronika, imbagħad, fetħet għal-lessikografija orizzonti li Aquilina fi żmienu lanqas biss seta' joħlomhom. Id-dizzjunarju llum m'għadux biss volum stampat, imma sar il-bażi ta' għadd ta' għodod lingwistiċi elettroniċi, bħalma huma ċ-ċekkjatur tal-kitba (spell-checker), ġabradati elettroniċi, sistemi algoritmiċi li jkomplu l-kelma u apparati li b'ħeffa ta' berqa jaqilbu l-kelma f'kitba u l-kitba f'kelma. Tista' tgħid li l-lingwi Ewropej kollha għandhom mill-inqas dizzjunarju wieħed online u qegħdin jiżviluppaw dawn l-għodod ġodda u komdi.

Ritratt - DOIImqanqal mill-ħtieġa li l-istudju tal-Malti wkoll jiġi aġġornat u jitqiegħed aħjar għas-servizz taċ-ċittadin, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ħeġġeġ lill-Università u lil Midsea Books biex iwaqqfu Programm Permanenti ta' Riċerka tad-Dizzjunarju Malti li, filwaqt li jimmira qabelxejn għal verżjoni aġġornata u mkabbra tad-Dizzjunarju Malti, iservi wkoll bħala umbrella li tiġbor taħtha tant riċerka lessikali li qed issir fi ħdan l-Università. Dan il-Programm sab mill-ewwel l-approvazzjoni u l-għajnuna ġeneruża tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li għamel għotja sabiħa ta' €80, 000 li għandha tkopri parti minn din ir-riċerka għal sentejn. Dan il-ftehim permanenti bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Università ta' Malta u Midsea Books Ltd ġie ffirmat il-Ġimgħa, 6 ta' Lulju 2012 fl-Università l-Qadima, il-Belt.

Bħalissa tim ta' erba' akkademiċi, immexxija mill-Prof. Manwel Mifsud, qiegħed jaġġorna d-dizzjunarju skont l-aħħar żewġ riformi ortografiċi, jikkoreġi xi nuqqasijiet li fih u jżid kliem u tifsiriet li ma kinux inġabru. Il-mira hi li l-Malti fi ftit snin ikollu Dizzjunarju Nazzjonali fuq l-internet li ma jkollu xejn inqas minn lingwi oħra. Dan għandu jiswa kemm biex juri l-għana tal-ilsien Malti, kif ukoll - ladarba d-dizzjunarju huwa għodda normattiva qawwija - biex jagħti direzzjoni waħda lill-istudenti, 'l-għalliema, 'il-ġurnalisti, 'it-tradutturi u lil kull min iħaddem il-lingwa Maltija f'xogħlu jew f'kitbitu, kemm f'Malta kif ukoll fost l-emigranti Maltin.

Smajt jew għandek xi kelma jew frażi li tixtieq iżżidha mad-dizzjunarju. Ibgħathielna minn hawn.