Il-Liġi tal-Malti

Fl-Ewwel Kapitlu tal-Kostituzzjoni ta' Malta (Artiklu 5) hemm stabbilit li l-Malti huwa l-uniku lsien nazzjonali ta’ Malta. Barra minn hekk hu wkoll, mal-Ingliż, l-ilsien uffiċjali ta' pajjiżna.

Apparti din l-istqarrija, f'April 2005 mill-Parlament Malti għaddiet unanimament il-Liġi tal-Malti. B'Kapitlu 470 ġie stabbilit ukoll il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

F'Artiklu 3 ta' dan l-Att dwar l-Ilsien Malti (Kap. 470 tal-Liġijiet ta' Malta), insibu li l-Malti huwa "l-ilsien ta' Malta" u element ewlieni mill-wirt u l-identità nazzjonali tal-Maltin għax jagħżilhom minn kull poplu ieħor. L-istess Artiklu jistabbilixxi wkoll li l-Malti huwa l-aqwa mezz ta' espressjoni u li l-lingwa qed tiġġedded ta' kuljum fuq fomm il-Maltin.

L-Istat Malti jagħraf li l-ilsien Malti hu espressjoni qawwija tan-nazzjonalità tal-Maltin, u għalhekk jistqarr li għandu jagħtih l-għarfien xieraq u meħtieġ kollu billi jagħraf l-importanza tiegħu fil-prinċipju u fil-prattika u jara li dan l-ilsien ma jitħassarx u ma jintilifx imma jibqa’ magħruf u jservi bħala mezz ta’ rabta bejn il-Maltin.

L-Istat Malti għandu jkun minn ta’ quddiem biex b'kull mezz possibbli, u b'mod konkret u attiv, joħloq l-opportunitajiet kollha possibbli għall-iżvilupp tal-ilsien nazzjonali u jara li jkollu d-dinjità li tixraqlu.