Il-Miri

Il-Missjoni tal-Kunsill

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti għandu l-għan li jadotta u jippromwovi politika u strateġija lingwistika xierqa għal pajjiżna u li jara li dawn jitwettqu u jiġu osservati f’kull qasam tal-ħajja Maltija għall-ġid u l-iżvilupp tal-ilsien nazzjonali u l-identità tal-poplu Malti.

 

It-Twemmin Tagħna

Aħna favur il-bilingwiżmu. Nemmnu li l-Malti u l-Ingliż - iż-żewġ ilsna uffiċjali ta' pajjiżna - għandhom jintużaw b'konsistenza fl-attivitajiet, il-kampanji u l-materjal kollu maħsub għall-pubbliku. Dawn għandhom, qabelxejn, jitfasslu bil-Malti, l-ilsien nazzjonali, u miegħu bl-Ingliż. B'hekk, minbarra li nsarrfu fil-prattika dak li tistipula l-Kostituzzjoni tagħna, il-pubbliku jintlaħaq b'mod aktar effettiv u bla diskriminazzjoni.

 

Kif Naħdmu

Il-Kunsill jara li f’xogħlu jkun serju u professjonali billi jirriċerka u jfassal id-deċiżjonijiet tiegħu ma' nies ikkwalifikati fil-lingwistika; inklużiv billi, bi djalogu miftuħ, jisma’ u jikkonsulta ma’ kull min hu interessat li jagħtu sehmu u għandu rieda tajba, għax il-Malti hu l-ilsien tagħna lkoll; u ġentili billi jersaq lejn il-pubbliku “bil-kelma t-tajba”. Ma naħdmux bil-forza imma bil-konvinzjoni għax minn dak li nirċievu u naqraw mill-poplu u mill-konkorrenza sabiħa li jkollna għall-attivitajiet u l-korsijiet li norganizzaw, konxji li l-poplu Malti interessat fi lsienu u jħobbu ġenwinament. Hija l-kuxjenza li rridu nkattru fis-soċjetà tagħna. Għal dan il-għan, naħdmu u nfasslu l-proġetti tagħna id f'id ma' entitajiet u individwi oħra.

 

L-Għanijiet

1) Il-Kunsill jippromwovi l-ilsien Malti kemm f’Malta, billi jistinka biex iqanqal l-għarfien u r-rispett għal-lingwa nazzjonali tagħna, kif ukoll barra l-pajjiż.

2) Il-Kunsill jagħmel kull aġġornament li jkun meħtieġ fl-ortografija tal-Malti u, minn żmien għal ieħor, skont il-ħtieġa, jistabbilixxi l-mod kif għandu jinkiteb il-kliem ġdid fil-Malti u l-kitba korretta ta’ kliem u frażijiet li jidħlu fil-Malti minn ilsna oħra. Dan ma jsirx mil-lum għal għada imma wara studju u konsultazzjoni wiesgħa mal-pubbliku, nies mis-setturi relatati u entitajiet pubbliċi u privati oħra.

 

Il-Funzjonijiet u d-Dmirijiet

Xogħol il-Kunsill tal-Malti, bl-appoġġ tal-Gvern, huwa li:

  • jiżviluppa, jimmotiva u jtejjeb l-għarfien u l-espressjoni tal-ilsien Malti;
  • jippromwovi l-iżvilupp dinamiku ta’ dawk il-karatteristiċi lingwistiċi li jidentifikaw lill-poplu Malti;
  • b’konsultazzjoni mal-entitajiet indikati fil-Liġi tal-Malti, jadotta politika, pjan u strateġija lingwistika xierqa u jara li dawn ikunu mwettqa u osservati f’kull qasam tal-ħajja Maltija;
  • jara li l-politika lingwistika deċiża mill-Kummissjoni, fi ħdan il-Kunsill, titqiegħed fil-prattika billi jiżgura l-implimentazzjoni effettiva u fidila tagħha;
  • jivvaluta u jikkordina x-xogħol li jsir minn għaqdiet u individwi fil-kamp tal-ilsien Malti u jrawwem atmosfera ta’ koperazzjoni bi pjan miftiehem;
  • jiġbed l-attenzjoni ta’ kull min jista’ jikkontribwixxi fl-iżvilupp tal-Malti għall-ħidma biex titwettaq il-politika lingwistika u, fejn ikun meħtieġ, jagħti parir lill-Ministru li jaqa' taħtu biex jikkommissjona x-xogħol li jkun meħtieġ;
  • ifittex riżorsi finanzjarji li jistgħu jinġabru lokalment u minn barra biex ikun jista’ jsaħħaħ l-attività tiegħu, u b’mod speċjali dawk ir-riżorsi li diġà huma aċċessibbli minn organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali għal skopijiet ta’ riċerka, promozzjoni tal-ilsna mitkellma minn popli żgħar, u proġetti oħra ta’ skambji ta’ esperti u studjużi;
  • jikkopera ma’ persuni, korpi u organizzazzjonijiet fl-oqsma diversi tal-ħajja biex iżid u jkabbar l-għarfien u l-apprezzament ta’ attivitajiet lingwistiċi u kulturali b’risq l-ilsien Malti;
  • iwaqqaf Ċentru Nazzjonali tal-Ilsien Malti li, minbarra li jservi bħala s-sede tal-Kunsill, joffri riżorsi stampati u awdjoviżivi meħtieġa lill-membri tal-għaqdiet tal-Malti, istituzzjonijiet u persuni oħra interessati;
  • jiżgura aċċess sħiħ għal statistika u informazzjoni disponibbli għall-użu tal-Kunsill u l-organi tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom;
  • iżomm kuntatt mal-komunitajiet tal-Maltin ta’ barra u mar-rappreżentanti tagħhom, bl-għajnuna tal-Akkademja tal-Malti, bil-ħsieb li l-ilsien Malti jibqa’ ħaj fosthom ukoll.
  • joħloq u jżomm kuntatti regolari ma’ għaqdiet lokali, nazzjonali u internazzjonali b'funzjonijiet simili tal-Kunsill, u magħhom jistabbilixxi skambju ta' ideat u riżorsi.