Il-Miri
Il-Missjoni tal-Kunsill
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti għandu l-għan li jadotta u jippromwovi politika u strateġija lingwistika xierqa għal pajjiżna u li jara li dawn jitwettqu u jiġu osservati f’kull qasam tal-ħajja Maltija għall-ġid u l-iżvilupp tal-ilsien nazzjonali u l-identità tal-poplu Malti.
It-Twemmin Tagħna
Aħna favur il-bilingwiżmu. Nemmnu li l-Malti u l-Ingliż - iż-żewġ ilsna uffiċjali ta' pajjiżna - għandhom jintużaw b'konsistenza fl-attivitajiet, il-kampanji u l-materjal kollu maħsub għall-pubbliku. Dawn għandhom, qabelxejn, jitfasslu bil-Malti, l-ilsien nazzjonali, u miegħu bl-Ingliż. B'hekk, minbarra li nsarrfu fil-prattika dak li tistipula l-Kostituzzjoni tagħna, il-pubbliku jintlaħaq b'mod aktar effettiv u bla diskriminazzjoni.
Kif Naħdmu
Il-Kunsill jara li f’xogħlu jkun serju u professjonali billi jirriċerka u jfassal id-deċiżjonijiet tiegħu ma' nies ikkwalifikati fil-lingwistika; inklużiv billi, bi djalogu miftuħ, jisma’ u jikkonsulta ma’ kull min hu interessat li jagħtu sehmu u għandu rieda tajba, għax il-Malti hu l-ilsien tagħna lkoll; u ġentili billi jersaq lejn il-pubbliku “bil-kelma t-tajba”. Ma naħdmux bil-forza imma bil-konvinzjoni għax minn dak li nirċievu u naqraw mill-poplu u mill-konkorrenza sabiħa li jkollna għall-attivitajiet u l-korsijiet li norganizzaw, konxji li l-poplu Malti interessat fi lsienu u jħobbu ġenwinament. Hija l-kuxjenza li rridu nkattru fis-soċjetà tagħna. Għal dan il-għan, naħdmu u nfasslu l-proġetti tagħna id f'id ma' entitajiet u individwi oħra.
L-Għanijiet
1) Il-Kunsill jippromwovi l-ilsien Malti kemm f’Malta, billi jistinka biex iqanqal l-għarfien u r-rispett għal-lingwa nazzjonali tagħna, kif ukoll barra l-pajjiż.
2) Il-Kunsill jagħmel kull aġġornament li jkun meħtieġ fl-ortografija tal-Malti u, minn żmien għal ieħor, skont il-ħtieġa, jistabbilixxi l-mod kif għandu jinkiteb il-kliem ġdid fil-Malti u l-kitba korretta ta’ kliem u frażijiet li jidħlu fil-Malti minn ilsna oħra. Dan ma jsirx mil-lum għal għada imma wara studju u konsultazzjoni wiesgħa mal-pubbliku, nies mis-setturi relatati u entitajiet pubbliċi u privati oħra.
Il-Funzjonijiet u d-Dmirijiet
Xogħol il-Kunsill tal-Malti, bl-appoġġ tal-Gvern, huwa li:
-
jiġbed l-attenzjoni ta’ kull min jista’ jikkontribwixxi fl-iżvilupp tal-Malti għall-ħidma biex titwettaq il-politika lingwistika u, fejn ikun meħtieġ, jagħti parir lill-Ministru li jaqa' taħtu biex jikkommissjona x-xogħol li jkun meħtieġ;
-
ifittex riżorsi finanzjarji li jistgħu jinġabru lokalment u minn barra biex ikun jista’ jsaħħaħ l-attività tiegħu, u b’mod speċjali dawk ir-riżorsi li diġà huma aċċessibbli minn organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali għal skopijiet ta’ riċerka, promozzjoni tal-ilsna mitkellma minn popli żgħar, u proġetti oħra ta’ skambji ta’ esperti u studjużi;
-
iwaqqaf Ċentru Nazzjonali tal-Ilsien Malti li, minbarra li jservi bħala s-sede tal-Kunsill, joffri riżorsi stampati u awdjoviżivi meħtieġa lill-membri tal-għaqdiet tal-Malti, istituzzjonijiet u persuni oħra interessati;