Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Niktbu "fiex" jew "fhiex"?

Il-kelma fiex hija magħmula mill-prepożizzjoni fi marbuta mas-suffiss -iex li jfisser “xi ħaġa”, sewwasew bħalma biex hija magħmula minn bi + -iex. Kliem ieħor mibni bl-istess mod huwa għaliex (għal + -iex), mniex (minn + -iex), fuqiex (fuq + -iex), xiex (xi + -iex), daqsiex (daqs + -iex) u sabiex (sa + bi + -iex).

Min jikteb fhiex jikteb ħażin, u aktarx ikun iħawwad il-kelma ma’ kelmiet oħra bħal ħsibthiex, rahiex, tniżżilhiex, li fihom is-suffiss –hiex huwa magħmul mill-pronom mehmuż –ha (jiġifieri “lilha”) u s-suffiss tan-negattiv –x (eż. iniżżilha [= iniżżel lilha] + -x > iniżżilhiex).

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra