Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Għaliex daqqa nsib miktub "każ" u daqqa "kas"?

Dawn it-tnejn jeżistu u jintużaw f'kuntesti differenti:

1. każ (pl. każi jew każijiet) tfisser "xi ħaġa li tiġri" jew "okkażjoni partikolari" u tintuża, pereżempju, meta ngħidu: fil-każ li jiġi ħuk; f'każ ta' ħruq, jew dawn huma każi speċjali.

2. kas tfisser "attenzjoni" u tintuża biss fl-espressjoni ta kas bħal: qatt ma ta kasi; tagħtux kashom; ma jagħti kas ta' ħadd.

Din il-kelma ta' nisel Rumanz (Sqalli casu, Taljan caso) daħlet fil-Malti f'żewġ għamliet differenti (u forsi f'żewġ perijodi jew komunitajiet differenti), u għalhekk għandha żewġ tifsiriet u fonetikament (mill-ħoss tagħha) iġġib ruħha b'mod differenti.

Il-konsonanti tal-aħħar turina d-differenza. Meta warajha norbtu tarf li jibda b'vokali, tinstema':

jew (1) -ż- (bħal: każi, każijiet)

jew (2) -s- (bħal: kasek, kasu, kasi, kasna)

Għalhekk għandha żewġ suriet differenti fil-kitba.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra