Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Kliem bħal "disposizzjoni" u "leġislazzjoni" suppost niktbu bis-s jew biż-ż?

Il-kliem li jkollu s fl-ilsien barrani, meta jidħol fil-Malti, daqqiet jieħu l-ħoss ta' s u daqqiet ta' ż. Skont ir-regoli uffiċjali tal-kitba tal-Malti (Żieda mat-Tagħrif, Taqsima Ċ, par. 6), dan il-ħoss għandu jinkiteb fonetikament, jiġifieri jinkiteb s jew ż skont il-ħoss li jkun qed jieħu fil-kelma partikolari (eż. diżarm, deċiżi, żvilupp, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, komuniżmu, ħafna każi imma spjega, komunist, ta kasi).

Bl-istess mod, għandna niktbu pożi, pożizzjoni, oppożizzjoni u dispożizzjoni, u leġiżlattiv, illeġiżla u leġiżlazzjoni, avolja fit-Taljan jinkitbu bis-s, għax it-Taljan Taljan u l-Malti Malti. Kull kitba differenti minn din, fil-Malti hija żbaljata.

Fl-imgħoddi, il-kitba tal-liġijiet u l-kuntratti aktarx kienet issir minn persuni midħla iktar tat-Taljan milli tal-Malti, u għalhekk ma nistagħġbux li kienu - u kultant għadhom - isiru dawn l-iżbalji, imqar f'testi tal-liġi. M'għandniex xi ngħidu, dil-kitba tibqa' titqies żbaljata f'kull qasam tal-Malti, għax il-kitba tal-Malti hija waħda u uffiċjali. Għalhekk min għadu jikteb hekk għandu jikkoreġi ruħu u jibda jobdi l-liġijiet tal-kitba tal-Malti.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra