Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Liema hi t-tajba: "terġax timlih" jew "terġax timlieh"?

F’każi bħal dawn għandna għaqda (jew "binja sintattika") bejn: Verb + Pronom Mehmuż.

Issa l-verb huwa wieħed nieqes (i.e. l-aħħar konsonanti tal-għerq tiegħu hija dgħajfa: 1-2-J) u l-verbi neqsin fl-imperfett jispiċċaw uħud bil-vokali -a (eż. jinsa, jistaħba) u wħud bil-vokali -i (eż. jiksi, jimxi).

Jekk għal mument tifred il-pronom minn mal-verb, mill-ewwel tinduna jekk il-verb jispiċċax bil-vokali -a jew -i, u minn hemm tkun taf kif għandek tikteb.

  • Jekk il-verb (mifrud mill-pronom) jispiċċa bil-vokali -a, din issir -ie-.
  • Jekk il-verb (mifrud mill-pronom) jispiċċa bil-vokali -i, din tibqa’ -i-.

Eż. Jekk ma nafx għandix nikteb -i- jew -ie- fil-kelma tistaqs-??-h,
(1)  nifred il-verb mill-pronom mehmuż (= tistaqsi + lilu)
(2)  ninnota biex jispiċċa l-verb (= -i)
(3)  la (skont ir-regola ta’ hawn fuq) -i tibqa’ -i-, nikteb: tistaqsih


Issa l-mistoqsija tagħna hi: timlih jew timlieh?

Mela:
(1)  nifred il-verb mill-pronom mehmuż (= timla + lilu)
(2)  ninnota biex jispiċċa l-verb (= -a)
(3)  la (skont ir-regola) -a ssir -ie-, nikteb: timlieh


Ftit eżempji oħra:
iksihom (għax iksi lilhom)
insieha (għax insa lilha)
ħallieh (għax ħalla lilu - fil-perfett)
ħallih (għax ħalli lilu - fl-imperattiv, kmand)
ilbieraħ ippretendieh (għax ippretenda lilu)
illum nippretendih (għax nippretendi lilu)
tibkix (għax tibki + x) imma bekiex (għax beka + x)

Eċċezzjoni għar-regola:

Kontra.
Dawn niktbuhom bil-vokali -i-: kontri -ja, -k, -h, -ha, -na, -kom, -hom)

Jidra u Jara. Dawn jiġu jidrak u jarak. Il-konsonanti likwida r qed iżżomm il-vokali a magħha.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra