Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Dilemma dwar kitbiet b'ortografija qadima
Spiss jistaqsuna: meta jkolli poeżija li nkitbet b'ortografija antika u fiha jkun hemm kliem bħal 'agħsafar' u 'ta’ l-iskola', meta niġi biex nużaha llum niktibha kif kitibha l-poeta jew għandi "nikkoreġiha"?

F’diskussjoni dwar l-ortografija, jista’ jkun meħtieġ li żżomm il-kitba oriġinali, għax din tkun importanti għall-argument. Mill-bqija, ma jagħmilx sens li tirriproduċi l-kitba bl-ortografija eżatta ta' kif kitiba l-awtur. L-awtur kiteb skont il-kitba ta’ żmienu. Mela, kieku kien qed jikteb issa, kien jikteb skont il-kitba tal-lum. Għax l-ortografija hija biss mezz biex twassal il-ħoss (u allura l-idea) li jkollok f’moħħok. B’hekk ma toħloqx diffikultà żejda lill-qarrej tal-lum. Naturalment, basta toqgħod attent/a li taqleb eżatt u ma tibdel xejn mis-sens oriġinali.

M'hemmx regola fissa li wieħed għandu jsegwi. Jien nifhimha li min ikun irid jgħaddi messaġġ/fehma/ħsieb, irid jagħmel ħiltu kollha biex iwasslu bl-aħjar mod u bl-aktar mod li jiggarantilu l-komunikazzjoni sħiħa. F’dan is-sens, kitba b’ortografija qadima xi ftit ittellef lill-qarrej u allura nippreferi li kieku nġib kollox għall-kitba ta’ żmienna (sakemm, kif għedt, ma jkunx f'diskussjoni dwar l-ortografija nfisha).

Naturalment, madwarna nsibu ħafna skrizzjonijiet li saru fi żminijiet oħra u li nkitbu bl-ortografija ta’ żmienhom, u dawn jibqgħu tifkira tal-iżvilupp tal-ortografija matul iż-żmien. Għandhom valur storiku miżjud. Kemm hu sabiħ tara, ngħidu aħna, l-arkata tas-Santwarju tal-Mellieħa bil-kliem bl-ortografija ta’ Vassalli “Fik temgħu missirijietna, temgħu u inti smajthom”. Imma dik ħaġa oħra, għax hija kitba awtentika li saret fi żmienu stess.

Prof. Manwel Mifsud

L-ark li jagħti għall-bitħa tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa fl-2019 għalaq 300 sena

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra