Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X'niktbu: 'jiggarantix' jew 'jiggarantixxix'?
L-infiss -ixx- jidħol f’xi verbi Maltin ta’ nisel Rumanz u ġie rriċerkat fit-tul mill-Prof. Manwel Mifsud fil-ktieb tiegħu Loan Verbs in Maltese (pp. 169-181) u, ġentilment, qassrilna din in-nota prattika fuqu:

Dan huwa element interessanti ħafna għax, jidher li, meta daħal fil-Malti żamm l-istess funzjoni li kellu fit-Taljan imma applikaha għas-sitwazzjoni ġdida Maltija. Il-funzjoni tiegħu ġeneralment hija li - bħaċ-Ċirinew - iġorr il-piż ta’ ħaddieħor, jiġifieri jieħu l-piż tal-aċċent ewlieni meta dan ikun se jaqa’ fuq iz-zokk tal-verb biex iħalli z-zokk tal-kelma ħafif kemm jista' jkun. Għax meta ma jiġrix hemm, il-kelma donnha tistona.

Mela: jiena gGARANT-ejt (hawn -ixx- ma tidħolx għax l-aċċent qiegħed fuq l-e tas-suffiss u mhux fuq iz-zokk, miktub b'ittri kbar). Imma: jiena nigGARANT-ixx-i (-ixx- tidħol tieħu l-aċċent, għax inkella l-aċċent ikollu jaqa’ fuq iz-zokk: jigGARANT-i).

Normalment, l-infiss -ixx- ma jintużax meta nżidu xi suffiss, sewwasew għall-istess raġuni, għaliex imbagħad is-suffiss jieħu l-aċċent u l-ixx ma jkunx hemm bżonnha. Dan jiġri:

1. fin-negattiv: jikkostitwixxi > ma jikkostitwi.x, kkostitwixxa > ma kkostitwie.x
2. ma’ pronom mehmuż: jikkostiwixxi > jikkostitwi.ha, kkostitwixxa > kkostitwie.ha
3. fil-partiċipju passiv: jikkostitwixxi > (k)kostitwi.t

Mela, skont dan l-istudju, il-forma mitluba hija ma jiggarantix. Bħalha għandna kliem ieħor, ngħidu aħna, ma jikkostitwix.

Din it-tabella turi fejn jidħol dan l-infiss u fejn le fil-konjugazzjoni ta' verb ieħor tipiku (l-aċċent jidher b'tipa skura).

Dan hu dak li rriżulta minn għadd ġmielu ta’ informanti li kelli għar-riċerka tiegħi fuq dan il-punt lingwistiku. Imma niftakar li sibt ukoll minoranza ta’ kelliema li kienu jaċċettaw forom oħra barra dawk li tajt hawn fuq (eż. jaċċettaw kemm 'ma kkostitwiex' u kemm 'ma kkostitwixxiex', eċċ.). Imma kienu minoranza, u allura t-teorija tal-aċċent (imfissra hawn fuq) qed tistrieħ fuq ir-riżultat tal-maġġoranza tal-kelliema. Dak hu kulma nista’ ngħid fuqu sakemm isir studju iktar komprensiv, ngħidu aħna f’xi teżi fuqu biss, biex naraw x’inhi s-soluzzjoni tal-ikbar għadd ta’ kelliema.

Prof. Manwel Mifsud

 

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra