Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Il-kelma 'bram' hi l-plural ta' 'brama' jew nom fis-singular?

B'xorti ħażina, in-Nomi tat-Tip (bħal: tursin, ħadid, xagħar, sapun, ċomb, tuffieħ, nemus, u bram) spiss jirreferu għalihom bħala “collective plural”.

Imma dawn grammatikalment mhuma plural xejn. Nużawhom dejjem fis-singular: tursin frisk (mhux friski), ħadid imsaddad (mhux imsaddin), xagħar twil (mhux twal), sapun ifuħ (mhux ifuħu), eċċ. għaliex inkunu qed nitkellmu fuq it-Tip, in-natura nfisha tal-oġġett, mhux fuq l-oġġetti/individwi/waħdiet li jkollhom dik in-natura. ​

Jekk inkunu rridu ngħoddu, allura mbagħad nagħmlu s-Singular (jew in-Nom tal-Unità) billi nżidu -a man-Nom tat-Tip: tursina, ħadida, xagħra, sapuna, ċomba, tuffieħa, nemusa, brama.

Imbagħad jekk inżidu -iet (jew -at) ikollna l-Plural (Plural Magħdud: għax nużawh biss fil-plurali minn 2-10): tursiniet, ħadidiet, xagħriet, ċombiet, sapuniet, tuffiħat, nemusiet, bramiet.

Ġieli mbagħad ikollna l-Plural tan-Nom tat-Tip, jiġifieri ħafna tipi, imma ftit huma n-nomi tat-tip li joħduh: spapen, qmuħ, tjur, krafes, dbieben, eċċ.

Mela fil-Malti m’għandniex is-sistema Singular/Plural biss, imma żewġ sistemi, waħda b’2 forom u l-oħra bi 3 (jew 4):

 1  ------- SINGULAR PLURAL -------
  ------- kelb klieb -------
  ------- torri torrijiet -------
         
2  NOM TAT-TIP

SINGULAR
 (Nom tal-Unità)

PLURAL
 (Plural Magħdud)

 (Plural tan-Nom tat-Tip)
  bram brama bramiet -------
  qamħ qamħa qamħiet qmuħ

 

Prof. Manwel Mifsud

 

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra