Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X'suppost nużaw 'straħt' jew 'striħajt'?
Tismagħhom it-tnejn.
 
STRAĦT hija l-forma “regolari” (bħal verbi oħra tal-10 forma: ħdart, sfart, ċkint, eċċ.). (ST- quddiem RAĦ, verb moħfi qadim li fil-Malti m’għadux jintuża).
 
Imma xi verbi qosra fil-Malti għandhom ħabta jitwalu billi jissellfu t-tarf tal-verbi neqsin (-ejt, -ajt, eċċ.). Minn hawn tiġi: STRIĦAJT
 
U din mhix waħedha:
straħt/striħajt (mhux bl-ie għax l-aċċent qiegħed fuq l-a)
begħt/bigħejt (ippronunzjata [biħħejt])
għumt/għomejt
doqt/doqejt
(Dawn mhux bilfors tkun smajthom kollha, imma huma rreġistrati mingħand kelliema Maltin.)
 
Aktarx ninnutaw f’kull każ li t-tieni kelma (it-twila) qed issir dejjem iktar komuni, filwaqt li l-ewwel waħda (il-qasira) qed tintuża dejjem inqas.
 
Prof. Manwel Mifsud
<Ara l-mistoqsijiet l-oħra