Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Għaliex drabi nużaw 'San' u drabi oħra 'Santu'?

L-ismijiet tal-qaddisin huma interessanti, iktar u iktar għax ma waslulniex kollha fl-istess żmien.

Hemm qaddisin “qodma” fil-kuntest Malti, u fl-ismijiet ta’ dawn aktarx insibu Santa (ġieli mqassra Sant’) għal mara. Għal raġel insibu San quddiem isem jibda b’konsonanti waħda, u Santu quddiem (a) isem jibda b’2 konsonanti jew (b) b’vokali, u allura titqassar Sant’.

Għalhekk insibu: Santa Kjara, imma Sant’Anna, Sant’Orsla.

U fost l-irġiel:

  • San Pawl, San Pietru, San Ġorġ, San Tumas
  • Santu Spirtu, Santu Kruċ, Santu Spirtu, Santu Rokku (ippronunzjat Santu Rrokku, kif issibu wkoll fl-Isqalli), Santu Wistin (minn Sant’Agustin)
  • imma Sant’Antnin, Sant’Anton, Sant’Andrija, Sant’Ambroġ, Sant'Iermu, Sant'Anġlu
  • (Insibu wkoll: San Alwiġi, San Anard, San Anastasju, San Elija, San Injazju, San Iżakk... - suġġett li għadu qed jistenna iżjed riċerka)

Dan jidher li kien wirt tal-influwenza Sqallija fil-Malti.

Mid-dehra, iktar tard (u aktarx qabel l-Ingliżi f’Malta) is-sistema bdiet tillivella dawn il-varjetajiet (l-iktar fl-użu uffiċjali) għal 2 forom bażiċi: San għal raġel u Santa (xorta mqassra Sant’ quddiem vokali, kif nagħmlu bi kliem bħal ta’/t’April) għal mara.

Xi Santujiet qodma u ffossilizzati baqgħu, oħrajn inbidlu jew hemm min qed jibdilhom. Il-każ ta’ Sant’Anton/San Anton huwa propju dan.

Fir-riċerka tal-għeruq ġenwini tagħna, għandna nduru u nistaqsu lill-poplu tal-post. U jidhirli (imma ma nistax inkun żgur bla riċerka) li r-riżultat iressaqna lejn Sant’Anton. U dan m’iniex qed ngħidu għax jien ngħid hekk.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra