Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: L-espressjoni 'x'nambih' minn fejn hi ġejja?

Dan huwa wieħed mill-verbi kurjużi tal-Malti, għaliex huwa magħmul minn żewġ kelmiet, ħaġa li fil-grammatika Maltija ma tantx insibuha.

Innota din is-sentenza: Dan is-siġġu m’għandix x’nagħmel bih. Issa l-kelmiet nagħmel bih inħatfu u tqassru, u bdejna ngħidu xi ħaġa hekk: m’għandix x’nagħm(el)-bih (= nam.bih).

B’hekk inħoloq verb ġdid li jintuża biss fin-negattiv u dejjem bil-pronom mehmuż, f'din l-espressjoni m’għandux x’jambini (jambik, jambih, eċċ.).

Id-dizzjunarju ta’ Falzon (1845; 1882) jagħti wkoll il-forma passiva jixtamba, eż. siġġu li jixtamba (= li ssib x’tagħmel bih, li tista’ tużah għal xi ħaġa).

F’dizzjunarju għandu jidher bħala: amba (jambi), fejn l-għ oriġinali ta’ għamel tgħib għalkollox.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra