Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Il-kelmiet 'ċekċieka' u 'ċekċika' jinkitbu t-tnejn?

Mill-għerq kwadrilitteru ĊKĊK (u onomatopejku, għax jimita l-ħoss veru), għandna dawn il-forom:

ĊEKĊIK (in-Nom Verbali: the act of clicking): instema’ bħal ċekċik minn wara l-bieb

ĊEKĊIKA (in-Nom Verbali tal-Unità: a click): kulma smajt ċekċika waħda u ntfietli l-karozza

ĊEKĊIEKA (in-Nom tal-Aġent femminili, li jintuża għall-għodda: a rattle): it-tarbija waqgħetilha ċ-ċekċieka

In-Nom tal-Aġent fil-femminil, barra li jindika persuna femminili li tagħmel l-azzjoni (ħajjata, qaddejja), spiss nużawh biex nindikaw l-għodda: ħabbata (knocker), laqqata (scoop), barraxa (scraper), ċekċieka (rattle) u xi oħrajn.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra