Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Il-kelmiet 'responsabbiltà' u 'responsabilità' it-tnejn tajbin?

Il-kelmiet responsabbiltà u responsabilità huma meqjusin tajbin it-tnejn. L-importanti li tagħżel forma minnhom u tkun konsistenti biha fil-kitba tiegħek.

Tal-ewwel (li hi l-iktar mifruxa fit-taħdit) ġiet manipulata iktar, tat-tieni hija prattikament kopja fonetika tal-kelma Taljana.

Doppjetti bħal dawn ma għandhomx jaħsduna jew iħawduna, u jistgħu jkunu r-riżultat kemm ta’ żvilupp intern fil-pronunzja tal-Malti matul iż-żmien, kif ukoll (u forsi iktar) tal-fatt li l-istess kelma setgħet intlaqgħet u ġiet ittrattata b’mod differenti miż-żewġ livelli tas-soċjetà Maltija, il-poplu monolingwi (li japplikalha l-fonetika Maltija) u l-grupp ta’ kultura bilingwi (li allura jaċċettaha kif tkun fil-mudell Taljan).

Il-Kunsill tal-Malti ħatar kumitat li qed jistudja dawn il-varjanti fonetiċi, li fi lsienna mhumiex ftit, bil-ħsieb li jinnota xejriet li jista' jkun hemm fihom u jasal għal xi forma ta' gwida fuqhom, bid-Deċiżjonijiet 3. Hawn qed nitkellmu fuq differenzi fil-pronunzja li jaffettwaw il-kitba tal-kelma.

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra