Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Qed nara miktubin il-kelmiet 'websajt' u 'onlajn'. Dawn tajbin?
Bid-Deċiżjonijiet 2 ġie stabbilit li l-kliem kompost mill-Ingliż fil-Malti, dment li ma jkunx hemm kelma jew frażi għalih bil-Malti li tinftiehem, għandu jitħalla miktub kif inhu fl-Ingliż u ma jinkitibx la Maltija. Bi kliem kompost qed nirreferu għal kliem bħal 'web+site' u 'on+line', li hu magħmul minn aktar minn kelma waħda.
 
Mela li kellna niġu biex nużaw l-ewwel kelma, niktbu 'website' (inħalluha bl-ortografija Ingliża). Madankollu, għal din il-kelma għandna diġà sit jew sit elettroniku li huma stabbiliti u jinftiehmu. U għalhekk tajjeb li nużaw xi waħda minnhom, ngħidu aħna: 'Il-Ministeru nieda sit ġdid'.
 
L-istess għat-tieni kelma - niktbu 'online', bl-ortografija Ingliża. Anzi, hawn ukoll f'għadd ta' kuntesti bil-Malti spiss ninqdew tajjeb b'aġġettivi oħrajn li għandna, bħal: elettroniku/a, diġitali jew, saħansitra, bi frażijiet bħal: fuq l-internet jew mill-internet. U l-kelma komposta 'online' ma jkollniex bżonnha. Dawn huma tliet eżempji komuni kif nistgħu nużawhom:
1. Tnediet sistema elettronika ġdida għall-ħlas tal-liċenzji tal-karozzi
2. Tista' tapplika għas-servizz mill-pjattaforma diġitali li tfasslet apposta
3. Ilbieraħ ħdimt mid-dar u bgħattilhom ix-xogħol fuq/mill-internet
 
Naturalment, din ir-regola tgħodd għal kliem kompost komuni ieħor, bħal 'Chairperson', li wkoll minflokha f'xi kuntesti tista' tintuża 'President/a' (ngħidu aħna, ta' kumitat ta' għaqda jew każin). Ma niktbux 'Ċerpersin(s)'. Il-kliem kompost li tikteb bl-Ingliż, għax ma jkollniex kliem ieħor għalih, bħal roundabout u air conditioner, m'hemmx bżonn timmarkah bil-"virgoletti" jew bil-korsiv.
<Ara l-mistoqsijiet l-oħra