Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Minn fejn ġejja l-kelma 'maxtura'?

Il-verb MAXTAR huwa interessanti ħafna.

Għalkemm illum jista' jitqies bħala kwadrilitteru, mhuwiex ta' nisel Għarbi imma ġej mill-Isqalli MANGIATURA (fit-Taljan, 'mangiatoia') li tfisser 'post fejn jieklu l-annimali'.

Bit-twaqqigħ tal-vokali -a-, il-kelma saret *MANĠTURA u mbagħad MAXTURA, kelma li fil-Malti għadha tintuża, għalkemm illum aktarx nisimgħuha biss fl-istorja tal-Milied.

Minn MAXTURA mbagħad issawwar il-verb kwadrilitteru MAXTAR, bit-tifsira "tiekol bħall-annimali, bil-ħatfa, bla etikett". Interessanti li, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar dal-verb ġej minn MANGIARE 'tiekol', minħabba li ħareġ direttament minn MAXTURA ħa dan is-sens peġġorattiv ta' li tiekol bil-goff, bil-għaġla u bla manjieri.

Kos, kull kelma jista' jkollha storja qadima, imħawra bi żviluppi u tifsiriet kurjużi... is-seħer tal-lingwa!

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra