Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Wara l-kelmiet "kull" u "ebda" nużaw nom fis-singular jew fil-plural?

Din kwistjoni tas-sintassi, jiġifieri ta’ kif jindamm flimkien il-kliem f'sentenza, u kull lingwa għandha s-sintassi tagħha.

Fil-Malti, kull u ebda jieħdu warajhom nom fis-singular biss.

Min qed juża nom fil-plural warajhom aktarx qed jimxi fuq il-kelmiet Ingliżi any, all u no, li kollha jistgħu jiddeterminaw nom fis-singular jew fil-plural.

 
Eżempji:

Kull effett li kellu, mhux kull effetti li kellu;
Kull wegħda li għamiltli, mhux kull wegħdiet li għamiltli;
L-ebda ħaddiem ma jista’ jfalli, mhux l-ebda ħaddiema ma jistgħu jfallu;
Ma għamilli l-ebda kondizzjoni, mhux ma għamilli l-ebda kondizzjonijiet.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra