Kulħadd jaf li fil-verbi Maltin, l-aktar fejn jidħlu l-għ u l-h, jiswielna ħafna li nieħdu l-mudell. Dan mhuwa xejn ħlief mera ta’ x’sura kien ikollha l-kelma kieku minflok għ jew h (li tilfu leħinhom u ma jurukx fejn qegħdin) kien hemm konsonanti oħra li tinstema’, ngħidu aħna r. Għallmuna tajjeb li, biex ma nitfixklux, infasslu noqogħdu fuq nifirħu u qgħadt fuq fraħt.
Il-mudelli jgħoddu mhux għall-verbi biss. Anke għan-nomi.
Mela biex nagħżel it-tajba bejn għixien u għajxien, infittex mudelli oħra. Joħorġu ħarsien, serħan, ħelsien, u bħalhom qawmien, sajran, fejqan u dewmien. F’dawn kollha, it-tieni konsonanti tal-għerq (anke meta tkun dgħajfa, jiġifieri j jew w) tinstema’ u tinkiteb wara l-ewwel vokali. Mela, bihom bħala mudell, nikteb b’moħħi mistrieħ: għajxien u għajbien.
Prof. Manwel Mifsud
|
<Ara l-mistoqsijiet l-oħra
|