Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Rajt il-kliem "l-iMqabba", "l-iMnarja", "l-iSport", u "l-iSprite". Dan miktub tajjeb?

Skont ir-regoli tal-kitba Maltija (ara ż-Żieda mat-Tagħrif, Taqsima Ċ, Regola 11ċ) “meta jkollna nżidu l-vokali tal-leħen ‘i’ bejn isem proprju li għandu jinkiteb bħall-oriġinal (jew reklam) u l-artiklu, din inżiduha skont ir-regola tal-artiklu tal-Malti imma nżommu wkoll l-ittra kapitali tal-kelma fl-oriġinal. Għalhekk għandna niktbu l-iSpell, l-iStergene, u l-iSprite.”

Mela din ir-regola tintuża eċċezzjonalment u qiegħda biex tibża’ għall-forma tal-ismijiet/nomi proprji barranin li ma ħadux għalkollox is-sura Maltija u li għadhom jinkitbu bħall-oriġinal. Ikunu speċi ta’ “marka tad-ditta”. Kif stabbilit bid-Deċiżjonijiet 1 (punt 2.4), din tapplika wkoll għall-ġenus, fl-ismijiet xjentifiċi, li jkun jieħu l-vokali tal-leħen (eż. l-iStegosaurus).

Mela fil-Malti nistgħu niktbu kelma li tkun tibda b’ittra żgħira u b’oħra kbira warajha fl-ismijiet proprji tad-ditti u xjentifiċi biss.

Ma tapplikax għal ismijiet proprji Maltin (bħal l-Imġarr, l-Imsida, l-Imdina) jew għal ismijiet proprji ta’ nisel barrani li qagħdu għall-kitba Maltija (bħal l-Iskozja, u l-Imnarja). U wisq inqas għal ismijiet/nomi komuni integrati, li jinkitbu sempliċiment l-istamperija, l-ispjun u l-isport (jew l-Istamperija, l-Ispjun, l-Isport meta rridu nibdewhom b’ittra kapitali, ngħidu aħna f’titlu).

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra