Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Qed nisma' l-kliem "ażil" u "xelta". Dawn jintużaw fil-Malti?

Kelma tidħol u taqbad f'lingwa minn kemm jużawha l-kelliema tagħha. Jekk il-lingwa ma jkollhiex kelma oħra biex tesprimi dak il-kunċett partikolari li nkunu qed nitkellmu dwaru, din tkun żieda tajba u utli għax tkompli twessa' l-vokabularju.

Meta niġu f'din is-sitwazzjoni, nagħmlu tajjeb li - qabelxejn - kull problema narawha sfida, u kull sfida opportunità biex inwessgħu l-vokabularju Malti bi frażijiet xierqa u eleganti. U għalhekk l-ewwel għandna nippruvaw insibu jew noħolqu kelma mil-lingwa tagħna stess, imbagħad induru fuq frażijiet minn ilsna oħra.

Imma xi minn daqqiet jiġri li jibda jintuża kliem li fil-lingwa diġà jkollna kliem għalih. Aktar ma jintuża, anke fuq il-mezzi tax-xandir, b'xorti ħażina jibda jwarrab u saħansitra jaqla' l-kliem l-ieħor bla ħtieġa.

Ażil politiku u xelta, it-tnejn mit-Taljan, huma żewġ kelmiet minn dawn. Qed nisimgħuhom fl-aħbarijiet u fil-programmi tat-telebejgħ. Għalihom il-Malti diġà għandu kenn politiku u għażla. Id-darba li jmiss uża lilhom ħalli ma narmux dak li hu tagħna.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra