Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X'inhu eżatt l-isem bil-Malti tal-munita Ewropea?

F'Jannar 2008 pajjiżna daħħal il-munita Ewropea. Kienet bidla kbira li laqtet il-ħajja Maltija f’bosta aspetti tagħha. Fix-xhur tat-tħejjija li kienet qed issir għal dan l-avveniment, kien twaqqaf kumitat apposta — in-NECC — biex, fost l-oħrajn, jikkonsulta mal-awtoritajiet differenti f’kull qasam li b’xi mod kien involut. Billi f’kull pajjiż li jdaħħalha l-munita Ewropea jrid ikollha isem, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti — bħala l-awtorità lingwistika ewlenija ta’ Malta — kien intalab jagħti fehemtu fuq l-isem li għandu jkollha l-munita fil-Malti.

Ladarba dan l-isem kien se jkun biċċa mil-lingwa Maltija, ried jintgħażel wieħed li l-lingwa Maltija jirrispettaha u jintegra magħha, fil-ħoss u fil-kitba. Dan l-Unjoni Ewropea fit-teorija tirrikonoxxih, għaliex hija għaqda li fl-unità tagħha tirrispetta d-diversità tal-kulturi u l-ilsna tal-pajjiżi li jsawruha.

Wara l-konsultazzjonijiet u d-diskussjonijiet meħtieġa, il-Kunsill tal-Malti ddeċieda fuq dawn l-ismijiet għall-qari u l-kitba bil-Malti:

ewro (m.s., plural ewro)
bħala l-isem tal-munita Maltija bażika. Jinkiteb b'ittra żgħira.
ċenteżmu (m.s., plural ċenteżmi)
bħala l-isem tal-wieħed minn mija tagħha.

Dan fissru ċar, b’argumenti li jifhimhom kulħadd, f’konferenza stampa kif ukoll f’pubblikazzjoni apposta. Il-Kunsill għamel kampanja fil-mezzi tax-xandir, li rridu nfaħħruhom għas-sehem kbir li taw, għax kienu huma li xerrdu dil-kelma b'konvinzjoni. Kif naraw, l-ismijiet ġew adottati b’armonija sħiħa mal-lingwa Maltija.

U fil-liġijiet?

Il-gvern Malti ntrabat mal-Unjoni Ewropea li fid-dokumenti ta' natura legali biss jintuża l-isem bl-u, b'konsistenza ma' dak li jagħmlu pajjiżi oħra, inkluż pajjiżi bħal-Latvja, il-Litwanja u l-Ungerija li fl-ortografija tagħhom isem il-munita ma jiktbuhx bl-u.

Minn dawn id-diskussjonijiet intlaħaq dan il-qbil:

1.  Li l-gvern Malti jippreferi u jxerred il-forma Maltija ewro.
2.  Li f'kull komunikazzjoni tiegħu mal-poplu l-Gvern Malti juża ewro.
3.  Li fil-liġijiet biss tintuża euro.
4.  Jekk isiru xi konċessjonijiet lil xi pajjiż membru ieħor biex din l-anomalija ortografika titneħħa, Malta għandha tibbenefika minnhom ukoll. (Il-Latvjani, pereżempju, jużaw eiro (minn Eiropa) fil-kitba u d-dokumenti kollha bil-Latvjan u euro fil-liġijiet.)
5.  Li għall-fini tal-liġi, f'kull kuntest, il-kelma ewro hija valida daqs il-kelma euro. Dwar dan tista' tara dan id-dokument.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra