Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Kemm jiżen "mitqlu"?

L-idjoma jiswa mitqlu deheb hija waħda minn għadd ta’ idjomi li spiss jintużaw ħażin. Xi wħud imorru b’rashom li mitqlu huwa xi piż stabbilit bħalma huma l-kilo, ir-ratal u l-wiżna.

Iżda l-kelma mitqlu hija magħmula minn mitqal u l-pronom mehmuż maskili -u, u tista’ xxebbahha ma’ kliem bħal tulu jew prezzu. Mitqal (li ġejja mill-Għerq T.Q.L) tfisser “daqs it-toqol tiegħu, il-piż tiegħu, kemm jiżen”.

Mela meta ngħidu raġel jiswa mitqlu deheb metaforikament inkunu qed infissru li huwa “raġel li jiswa daqs il-piż tiegħu deheb”. Oħroġ l-għaġeb, l-idjomi ġieli jinzertaw jaqblu bejn lingwa u oħra, u interessanti li din l-idjoma Maltija tixbah eżatt lill-idjoma Ingliża worth his weight in gold.

Issa li fhimna l-binja tagħha, għandna nifhmu wkoll li l-pronom mehmuż tagħha jrid jinbidel skont il-persuna li jirreferi għaliha, u mhux jibqa’ dejjem -u. Ngħidu aħna, mara tiswa mitqilha deheb, żewġt aħwa biżlin, jiswew mitqilhom deheb, u mhux tiswa mitqlu dehebjiswew mitqlu deheb, kif jgħidu ħażin xi wħud.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra