Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Niktbu 'tixbiha' jew 'tixbiħa', 'hejja' jew 'ħejja', 'ġieh' jew 'ġieħ'?

Dwar il-kliem li kien jinkiteb bl-h hemm regola, li daħlet fl-1992, (fl-Aġġornament tat-Tagħrif I, 2) li tgħid hekk:

  • Jekk fil-kliem imnissel minn għerq wieħed ikun hemm konsonanti li daqqa tinstema’ ħ u daqqa ma tinstemax, tinkiteb dejjem h.
    Eż. Fil-kliem bl-għerq X.B.H, l-aħħar konsonanti daqqa tinstema’ ħ (xebbah, tixbiha, imxebbha) u daqqa ma tinstemax (xbieha u xbihat). Mela tikteb dejjem h. L-istess tista' tgħid għall-kliem ikrah (għax kerha u kruha); iblah (għax belha u bluha) u ishma (għax sehem)
  • Iżda jekk fil-kliem imnissel minn għerq wieħed ikun hemm konsonanti li tkun tinstema’ dejjem ħ, din tinkiteb dejjem ħ.
    Eż. Fil-kliem bl-għerq Ħ.J.J, l-ewwel konsonanti tinstema’ dejjem ħ (ħejja, tħejja, tħejjija). Mela tikteb dejjem ħ (anke jekk f’xi kotba qodma għadek issibha bl-h). L-istess tista’ tgħid għall-kliem ġieħ, raħeb, tbaħrid, uċuħ.

    Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra