Il-kelmiet: ħadd, qatt, ebda, imkien u xejn fl-imgħoddi kellhom tifsira pożittiva, li xi wħud tilfuha (għalkemm għadek tista’ ssibha fl-Għarbi) u f’oħrajn kultant għadha tidher. Eż. (Qatt mort il-Greċja? = Mort xi darba l-Greċja?; Avżajna lil kulħadd. = Avżajna lil kull wieħed.)
Imma billi dawn il-kelmiet sikwit jintużaw man-negattiv biex iżidulu l-enfasi, donnhom ittieħdu minnu u llum aktarx inqisuhom negattivi iktar milli pożittivi.
Hekk spiċċaw b’żewġ tifsiriet: waħda pożittiva (aktarx mitlufa jew rari) u l-oħra negattiva, kif turi din it-tabella:
KELMA |
TIFSIRA POŻITTIVA |
TIFSIRA NEGATTIVA |
ħadd |
persuna, wieħed |
l-ebda persuna |
xejn |
ħaġa |
l-ebda ħaġa |
qatt |
xi darba |
l-ebda darba |
ebda |
f'kull każ, dejjem |
lanqas wieħed/waħda |
imkien |
post; plur. imkejjen |
l-ebda post |
Forsi l-aktar waħda ċara hija "mkien", għax din għadha tintuża sal-lum biż-żewġ tifsiriet. Ngħidu aħna: (1) Żaru l-imkejjen (= postijiet) storiċi. (2) Fejn mort ilbieraħ? Imkien (= l-ebda post).
Fil-Kantilena, l-eqdem kitba li għandna bil-Malti, insibu wkoll il-vers "Min ibidill il miken ibidil il vintura" (Min ibiddel l-imkien (= il-post) ibiddel il-vintura). Għal tagħrif ieħor fuq il-Kantilena idħol hawn.
Interessanti li dan ġara wkoll fil-Franċiż, fejn personne fl-istess ħin tfisser “persuna, xi ħadd” u “ħadd”, u rien, li kienet tfisser “ħaġa” issa tfisser “xejn”.
L-istorja tal-kliem ħafna drabi tiċċaralna ħwejjeġ li mingħajrha jistgħu jħabbluna.
Prof. Manwel Mifsud
|