Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Issib min juża "problema kbir". Din żbaljata, hux?

Inti u l-maġġoranza tal-Maltin jgħidu u jiktbu "problema kbira" u "nazzjon żagħżugħ" għax dawn il-forom huma iktar komuni u għal min irid jikkomunika mal-kotra tal-Maltin huma preferibbli. Madankollu hemm ukoll xi Maltin li għal raġuni storika jużaw dan il-kliem kif jintuża fit-Taljan, minn fejn tnissel. Dan l-użu għadu meqjus korrett, imma jidher li qed jonqos u ma jdumx ma jinqata’.

Bħal f’kull lingwa oħra, fil-Malti wkoll issib xi kliem li ma jintużax l-istess minn kulħadd, u kull wieħed jista’ jkollu raġuni tajba biżżejjed għall-forma tiegħu. Huwa importanti li kull wieħed jifhem li, billi jgħid hekk hu, mhux bilfors li kulħadd irid jgħid bħalu u mhux bilfors li l-forma tiegħu biss hija tajba.

Xi kliem bħal problema, tema, sistema, dilemma, panorama, klima, poema, u nazzjon ġibnieh mit-Taljan u fit-Taljan diġà kellu l-ġens grammatikali tiegħu (kollha maskili ħlief l-aħħar kelma). Għalhekk xi nies li kellhom influwenza qawwija mit-Taljan baqgħu jużawh kif kien jintuża qabel, u dlonk tismagħhom jgħidu: It-tema li għażilt mhuwiex adattat. L-argument tagħhom hu msaħħaħ mill-istorja ta’ nisel il-kelma, l-argument storiku.

Iżda għall-biċċa l-kbira tal-Maltin dal-kliem malli qasam il-fruntiera u daħal fil-Malti kellu jġib ruħu bħall-kotra tal-kliem tagħna, fejn aktarx li l-kelma tkun maskili meta tispiċċa b’konsonanti (eż. żarbun, twil) u femminili meta tintemm bil-vokali -a (eż. rixa, twila). B’dan il-mudell, bl-analoġija/xebh ma' kliem ieħor femminili fil-Malti, il-ġens ta’ dan il-kliem mit-Taljan inħass jistona u nbidel, u ma baqax eċċezzjoni għax ġie jaqbel mal-użu Malti. Mela problema, tema, klima, poema u sistema saru femminili u nazzjon ġiet maskili. Dan l-argument hu msejjes fuq l-użu kurrenti tal-lingwa Maltija, l-argument sinkroniku. Mill-Għarbi għandna wkoll kliem bħal għana u sema.

Wieħed m’għandux jitfantas meta jara żewġ użi differenti f’lingwa waħda, għaliex din hija normali f’bosta lingwi. Barra minn dan, jidher ċar li, waqt li l-użu li jaqbel mal-Malti (jiġifieri "problema kbira"; "tema ġdida"; "sistema sofistikata"; "dilemma oħra"; "panorama wiesgħa" eċċ.) qiegħed dejjem jissaħħaħ, l-użu skont l-argument storiku (la Taljana) m’għadux użat ħlief minn ftit nies, u qiegħed jinqata’. Kif aktarx jiġri kull meta fil-lingwa jinstabu żewġ forom alternattivi, imma li fil-fatt waħda tkun qed issaħħaħ postha fil-lingwa u l-oħra tkun qed iċċedih ħelu ħelu.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra