Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Għaliex kliem bħal "ħsieb" u "ried" ġieli ssibu bl-ie u ġieli mingħajrha?

Kelma tista' tinkiteb bl-ie f'ċerti każi u mingħajrha f'każi oħra għax tkun inbidlitilha s-sitwazzjoni u tkun ġiet f'ambjent differenti (eż. ħsiebħsibijiet; ried, riedetridt, riduni, ma riditx). Imma fil-kitba kollox huwa rregolat minn ċirkustanzi ċari u rraġunati.

Qabelxejn, ħalli nfissru xi rqaqat fuq l-ie:

  • Fil-Malti għandna l-vokali ie, li hija meqjusa vokali waħda għad li magħmula minn żewġ sinjali. Għalkemm illum fil-Malti Standard aktarx illissnuha bħala i twila, bqajna niktbuha ie kif kienet tinstema' fl-imgħoddi u kif għadha tinstema' minn xi wħud jew f'xi djaletti.
  • Jidher li din il-vokali tagħna żviluppat mill-vokali a twila tal-Għarbi, għax ħafna kliem Malti li għandu l-ie, fl-Għarbi nsibuh bl-a twila (eż. Għ. salâm, kitâb, M. sliem, ktieb). Anke fil-Malti stess, l-a twila u l-ie ġieli jkunu varjanti ta' xulxin, tuża liem trid (eż. tuffiħat / tuffiħiet, ġab / ġieb).
  • L-ie hija vokali twila, u jiġrilha sewwasew kulma jiġri lill-vokali t-twal l-oħra, imma fil-kitba hi biss tibdel suritha u tidher issa twila (ie) u issa mqassra (i jew e). Innota mela li:

    1. Meta, fil-konjugazzjoni tal-verb, l-ie jkollha 2 konsonanti warajha, tinstema' maħtufa (i.e. ma tibqax twila) u allura tinkiteb i qasira jew e qasira (eż. huwa ried / jiena ridt, aħna ridna).

    2. Bħala vokali twila, l-aċċent tal-kelma dejjem fuqha jaqa'.

    3. Meta l-aċċent jiċċaqlaq minn fuqha u jimxi lejn tarf il-kelma, ma tistax tibqa' twila u allura ssir i qasira jew e qasira (eż. missier > missir-ijiet, ħsieb > ħsib-ijiet, ħier > ħerġ-in, riedu > ridu-ni, bierek > berik-na, mietet > mitit-li). Dan iċ-ċaqliq tal-aċċent lura jista' jiġri iktar minn darba fl-iżvilupp ta’ kelma, u kull darba l-ie titlef it-tul u terġa' tinħataf u tiqsar (eż. nieda > ned-iet > nedit-ilhom).

    4. Mela nistgħu ngħidu li, billi l-kelma jkollha dejjem aċċent wieħed, ma jistax ikollok żewġ ie f'kelma waħda; f'dawn il-każi l-aċċent tirbħu dik l-ie li tkun l-eqreb lejn tarf il-kelma, u l-oħra tinħataf u tiqsar. L-ie fil-Malti tidher fl-aħħar sillaba tal-kelma jew f'ta'qabel tal-aħħar.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra