Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Liema huma t-tajbin: "jaqrhom" u "jinteressha" jew "jaqrahom" u "jinteressaha"?

Hawn għandna dejjem verb + pronom mehmuż (jaqra lilhom u jinteressa lilha) u dawn jirrispettaw 'il xulxin u jidhru t-tnejn sħaħ, minkejja li l-vokali ta’ tarf il-verb ma tinstemax. Mela,

nara lilhom =     nara + -hom >     narahom
tindanna lilha =     tindanna + -ha >     tindannaha
jaqra lilhom =     jaqra + -hom >     jaqrahom
jinteressa lilha =     jinteressa + -ha >     jinteressaha

Dwar il-pronom -ha wieħed irid joqgħod attent għax, billi dan jiġbed l-aċċent fuqu, xi wħud jiżbaljaw u jiktbuh -à (eż. flok jinteressaha jiktbu jinteressà bħal ambigwità, għax għandha l-istess ħoss). Int ftakar biss li meta jkun hemm is-sens ta’ lilha jrid jidħol il-pronom –ha (eż. jifforma lilha > jiffurmaha u mhux jiffurmà; tinjora lilha > tinjoraha u mhux tinjorà; ara lilha > araha u mhux arà).

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra