Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X'niktbu: "imġiba" jew "imġieba"?

Fil-Malti għandna 3 tipi ta' vokali i:

(1)  i qasira [= i] (fl-Alfabett Fonetiku Internazzjonali /I/), bħall-i ta' (jiena): żidt, mitt
(2)  i twila [= iiii], li niktbuha ie (fl-AFI /I:/), bħall-ie ta' (huwa): żied, miet
(3)  i twila bil-j [= iiijj], li għalkemm hi twila niktbuha i bħall-ewwel waħda (fl-AFI /i:/), bħall-i ta' (inti) żid!, il-mit ta' Elvis Presley

Normalment, il-kelliema jagħmlu differenza bejniethom it-tlieta, imma xi wħud imbagħad jitħawdu meta jiġu biex jiktbuhom, u l-aktar li jħawdu t-(2) mat-(3). Kulħadd jaf b'dak il-proxxmu li mela l-ħitan ta' Malta kollha bl-avviżi "Sejjieħ u tal-fiel", biex ibigħilna l-ġebel tas-sejjieħ u tal-fil!

Biss imbagħad hemm każi fejn il-kitba tagħna mhijiex fonetika, u tispiċċa tikteb waħda minnhom meta fil-fatt tippronunzja l-oħra. Fost dawn hemm:
(a) każi li hemm raġuni fonetika għalihom, eż. (3) ppronunzjata bħala (2) minħabba li tkun ħdejn il-ħoss ta' ħ jew q (eż. fih, xiħ, rfigħ, triq)
(b) każi li għalihom hemm biss raġuni storika, eż. niktbu (3) imma nippronunzjaw (2) fi kliem bħal ngħidu aħna mġiba [ippronunzjata mġieba] għax qisuha li ġejja minn forma m1i:3a; u spirtu [ippronunzjata spiertu] aktarx għax, meta bdiet tinkiteb, iktar ħarsu lejn il-forma oriġinali Taljana milli lejn il-ħoss Malti li kienu qed jirrappreżentaw.

Għalhekk niktbu: (i)mġiba.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra