Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Rajt "inmur" miktuba. Din tajba?

Ir-regoli tal-kitba tal-Malti (ara Tagħrif fuq il-Kitba Maltija, It-Tieni Taqsima, nru 45) jippermettu ż-żewġ verżjonijiet. Għax l-n tal-ewwel persuna tal-imperfett tista' tassimila għalkollox mal-ewwel konsonanti tal-verb meta din tkun likwida. Imma dan mhux bilfors isir. Hawn min jippronunzja inmur u hawn min immur. Hawn min jgħid inrodd u min irrodd.

Madankollu aktarx naqblu li immur hija aktar popolari minn inmur, filwaqt li inressaq hija aktar popolari minn irressaq.

Li forma hija użata aktar minn oħra ma jfissirx li hija t-tajba u l-oħra l-ħażina. F'sitwazzjoni bħal din, ir-regoli tal-Malti kienu għaqlin meta ħallew il-possibbiltà ta' żewġ varjanti fonetiċi.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra