Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Fil-Malti għaliex niktbu l-għ (għajn) u l-h (akka), la m’għandhomx ħoss?

L-Għarbi, missier il-Malti, għandu żewġ tipi ta’ għajn (kull waħda bil-ħoss tagħha) u għandu l-akka (li tinstema’ bħal ħ ħafifa). Mill-kitbiet qodma jidher li, dari, fil-Malti kienu għadhom jinstemgħu, u – ħaġa tal-għaġeb – anke llum f’xi djaletti mbiegħda miċ-ċentri urbani, ngħidu aħna fl-Għarb, Għawdex, għadek tista’ tismagħhom ċari, ġawhar tal-istorja tal-Malti. Mela żgur li mhumiex xi invenzjoni kapriċċuża ta’ min iddeċieda li nibqgħu niktbuhom.

Fis-sewwa, madankollu, min fl-1924 qatagħha li jibqgħu jinkitbu seta’ wkoll qatagħha li ma jinkitbux. Illum, kważi disgħin sena wara dik id-deċiżjoni importanti, nistgħu nippruvaw nifhmu x’kienu r-raġunijiet li ġegħluhom jiddeċiedu hekk u mhux mod ieħor.

(1)       Qabelxejn, din ma kinitx xi invenzjoni ġdida. Sa mill-qedem, meta l-għ u l-h kienu għadhom jinstemgħu, min kien jiktibhom aktarx kien juża gh għall-għ u h għall-h. Mela kien hemm tradizzjoni tal-kitba tagħhom, li r-regoli tal-1924 għażlu li jirrispettaw.

(2)       Il-ħsejjes irrappreżentati mill-għ u l-h nafu li ma spiċċawx f’daqqa, imma dgħiefu u ġew fix-xejn. Dan ifisser li aktar minn tmenin sena ilu, aktarx li kienu għadhom ippronunzjati minn għadd ta’ nies ikbar minn tal-lum. Terġa’, Ninu Cremona, l-aktar studjuż li ħadem biex twaqqfet il-kitba tal-Malti, kien Għawdxi, u bħala Għawdxi aktarx li kien midħla sewwa ta’ dawn il-ħsejjes użati madwaru.

(3)       Imma forsi l-aktar raġuni importanti kienet il-grammatika tal-Malti. Il-kelma Maltija tinbena minn Għerq u Forma, skont għadd ta’ forom (jew mudelli) stabbiliti. Jekk tneħħi l-għ u l-h mill-kitba, waqt li minn banda tkun tħaffef il-kitba għax tagħmilha iktar fonetika (tikteb kif tisma’), mill-banda l-oħra tkun qed tfarrak l-unità tal-mudelli tal-lingwa, għax tista’ tgħid kull nom jew verb bl-għ/h jibda jagħti forma ġdida għalih. U hekk tista’ tispiċċa ttaqqal dak li tant xtaqt tħaffef.

Illum bosta Maltin iħossu li dawn is-simboli, imqar jekk għalihom huma għajn ta’ tfixkil u inċertezza, huma parti mill-identità viżiva tal-ilsien Malti u lanqas biss joħolmu li jistgħu jitneħħew. Din hija logħba bejn it-tħaffif tal-ortografija u r-rispett lejn it-tradizzjoni tal-kitba, logħba li fis-sewwa qegħdin fiha bosta lingwi miktuba, mhux il-Malti tagħna biss.

Prof. Manwel Mifsud 

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra