Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X'inhu l-plural ta' "mnieħer"?

Fis-sintassi tal-Malti, kull meta jkollok għadd ta' persuni li jagħmlu l-istess azzjoni li fiha tissemma xi parti tal-ġisem li minnha għandna waħda, jintuża s-singular. Hekk, ngħidu aħna:

1.   Baxxew rashom u ma qalux kelma oħra.

2.   Bdejna nsoddu mneħirna minħabba l-intiena.

3.   U daqstant ieħor serrħu raskom (mhux rjuskom); iftħu moħħkom (mhux mħuħkom); u soddu mneħirkom.

Jekk toqgħod tanalizzaha "loġikament" (ħaġa li m'għandek tagħmilha qatt fis-sintassi ta' lingwa), din il-binja tista' tidher illoġika u bla sens. Mela huma flimkien għandhom ras waħda? Mela aħna lkoll għandna mnieħer wieħed bejnietna?

M'għandniex xi ngħidu, is-semmiegħ ma jkollux din ir-reazzjoni. Jifhem mill-ewwel li fosthom ilkoll, kull wieħed/waħda baxxa/iet rasu/ha, u li minna kull wieħed/waħda sadd/et imnieħru/imneħirha. Jew, kif iqassruha tajjeb it-Taljani, ciascuno il suo.

Din hi r-raġuni għaliex xi nomi (bħal imnieħer) fil-Malti m'għandhomx plural: qatt ma kellna bżonnu, għax mal-plural xorta waħda nużaw is-singular. U, fl-istess ħin, għaliex xi nomi li għandhom is-singular u l-plural (bħal ras/rjus) xorta waħda jużaw is-singular meta jkunu involuti ħafna persuni (ara l-eżempju nru 1, hawn fuq).

Bħal kull ħaġa madwarna, din ir-regola sintattika Maltija mhix meħlusa mill-influwenzi u mill-bidla. U xi lingwi li qegħdin magħna l-ħin kollu, bħall-Ingliż, ma jagħmlux bħalna u jużaw il-plural f'każi bħal: they raised their heads. U l-Maltin jiddakkru malajr, u r-regola riġida ma tibqax daqstant riġida, tirtab u ċċedi. U llum ġieli tisma' refgħu rjushom; u mhux l-ewwel darba tisma' min jgħid li l-Malti (stramb!) m'għandux il-plural ta' mnieħer bħall-Ingliż. M'għandniex xi ngħidu, jekk ikollna sitwazzjoni rari fejn irridu bilfors nirreferu għal ħafna, allura jkollna "niżviluppaw" plural minn elementi magħrufa, ngħidu aħna *mneħrijiet.

Barra minn hekk, nifs hi s-singular, u nfus hija l-plural (jew aħjar, plural minnhom); u ruħ hi s-singular u rwieħ hi l-plural. Xi darba konna ngħidu lkoll: minnhom innifishom u impenjaw ruħhom, kif kienu jgħidulna missirijietna. Imma bl-influwenza ta' binjiet barranin kultant bdew joħdulhom posthom il-forom plurali: minnhom infushom u impenjaw irwieħhom.

Issa hemm min għadha ddoqqlu aħjar tas-singular. Imma l-individwu mhux il-poplu Malti, u jista' jkun (min jaf?) li hemm barra hemm iktar nies li qed jgħidu impenjaw irwieħhom milli impenjaw ruħhom. U, għidli int, l-arloġġ min qatt dawru lura?

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra