Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: "Pulmun", singular jew plural?

Id-dizzjunarju Oxford jiddefinixxi l-kelma lung b'dan il-kliem: "either of the pair of breathing-organs in man and most vertebrates". Dan ifisser li lung tirreferi għal borża waħda mit-tnejn li għandu kull wieħed minna. Mela l-Ingliżi (u anke l-Maltin!) jieħdu n-nifs permezz tal-lungs.

Imma fil-Malti, kull wieħed minna għandu pulmun u jieħu n-nifs bih. Mela fil-Malti ż-żewġ boroż flimkien jissejħu pulmun, nom singular maskili. Li jfisser li l-kelma Maltija pulmun (sg.) fl-Ingliż hija lungs (pl.), sewwasew bħalma l-Malti qalziet (sg.) fl-Ingliż hija trousers (pl.) għax magħmul minn żewġ qliezi.

Allura pulmuni ma teżistix? Dażgur li teżisti. Kull wieħed minna għandu pulmun u flimkien, jien u inti, għandna tliet pulmuni... u nistħajjel anke tliet qliezet.

F'każijiet oħrajn, aktarx li l-Malti kien jirrikorri għan-nom tal-unità (jew għall-farrad waħdani) u kien ikollna soluzzjoni perfetta. Jiġifieri bħalma bieb jista' jkollu żewġ tebqiet u kull waħda nsejħulha bieba, hekk ukoll il-pulmun ikun sħiħ u borża waħda minnu kienet tissejjaħ *pulmuna! Imma, kif jgħid il-Malti, "kieku u kien qatt ma ltaqgħu flimkien". Dil-kelma qatt ma żviluppat.

Naturalment, anke għal dan hemm raġuni, u din tista' tkun għax filwaqt li bieb u bieba jirreferu għal oġġetti faċilment milħuqa u barra minna, pulmun tirreferi għal oġġett li qiegħed ġo fina u li ma nistgħux immissuh (fil-fatt nemmnu li għandna wieħed għax nafu li kulħadd ikollu, mhux għax rajnieh jew missejnieh). U l-lingwa hija prattika u pragmatika billi kelma bħal bieba, għax meħtieġa ħafna fit-taħdit, tiżviluppaha, u *pulmuna, li konna niġu bżonnha rari ħafna, ma tiżviluppahiex biex ma tgħabbiniex. Imqar jekk ma neskludux li xi ħadd li jista' jiġi bżonnha fid-diskors jaf joħloqha istintivament, għal darba, u jibqa' għaddej.

Minħabba dan kollu, normalment jiġri li, biex nirreferu għal borża waħda mill-minfaħ kollu nużaw il-frażi "il-pulmun tal-lemin" jew "il-pulmun tax-xellug". U, eċċezzjonalment, hawnhekk il-kelma pulmun tiġi qed tirreferi għal borża waħda, għal "nofs il-pulmun" ta' veru. Huwa mezz biex tiddobba.

Kos, kemm hemm x'nitgħallmu fuqna nnifisna meta nosservaw il-lingwa li qiegħda fuq fommna ta' kuljum!

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra