Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Il-forom imqassra huma aċċettati fil-kitba?

It-taqsiriet nużawhom fit-taħdit tagħna biex ngħaġġlu jew inkella biex naġġustaw il-prosodija tal-frażi. Huwa naturali li kelma tidħol fl-oħra u xi vokali ta' bejniethom jinxtorbu fil-pronunzja. Dawn jinvolvu pronunzja differenti għalkollox, tant li tinxtorob sillaba.

Issib min jgħidlek li fil-kitba ma tistax tuża l-forom "dal-" imma "dan il-"; "t'Għawdex / t'April" imma "ta' Għawdex / ta' April"; "ħa/se/ser immur" imma "sejjer immur". Huwa minnu li hemm tendenza li f'diskorsi u kitba iktar formali tintuża l-forma s-sħiħa, minħabba l-kuntest jew iċ-ċirkustanza. U min jagħmel hekk, ma jkunx qed jagħmel ħażin. Imma dan ma jfissirx li l-forom imqassra ma tista' tużahom qatt fil-kitba.

U allaħares it-taqsir, jew l-informali, kellu jkun awtomatikament skorrett, għaliex kieku aktarx li mġibitna kienet tkun skorretta matul il-biċċa l-kbira ta' jumna u ta' ħajjitna! Ir-reġistru informali huwa perfettament korrett f'sitwazzjoni informali, daqskemm fl-istess sitwazzjoni kien ikun skorrett ir-reġistru formali. Il-libsa skont l-istaġun.

Imma tajjeb niftakru li hemm taqsir u taqsir. Nistgħu ngħidu li fil-kitba aktarx ninsġu f'xulxin dak il-kliem li jokkorri ħafna flimkien, i.e. jkun sar qisu kelma waħda. Imma kliem li rari jinzerta flimkien ma nqassruhx. Ngħidu aħna, faċli niktbu "darb'oħra" u "ħaġ'oħra". Ġieli naraw miktuba: "tazz'ilma", imma bilkemm nimmaġinawna niktbu, pereżempju, "tazz'aniżett" u "liem'eżempju", avolja meta nippronunzjawhom jinxtorbu xorta waħda. Taqsir bħal dan x'aktarx li nevitawh minħabba l-konswetudni, ta' dak li ndara.

Fl-istess ħin hemm oqsma (bħalma huma l-poeżija u l-lirika ta' kanzunetta) li fihom jista' jkun importanti li tikteb il-forma mqassra, għax ma tkunx trid tissogra li min ikun jaqra/ikanta jieqaf u jippronunzja ż-żewġ vokali separati u b'hekk joħroġ mir-ritmu tal-kompożizzjoni.

 

U dwar il-li mqassra?

Il-pronom li jista' jitqassar billi taqagħlu l-vokali tat-tarf, għalkemm iktar komuni l-forma sħiħa. Din ukoll tiddependi mir-ritmu tas-sentenza u mill-ambjent li ssib ruħha fih il-kelma: dak li għamilna flimkien / dak l'għamilna flimkien, jgħidu li iktar ma tikber iktar titgħaqqal / jgħidu l'iktar ma tikber...

Interessanti li fil-Kantilena, l-eqdem dokument sħiħ miktub bil-Malti (miktub c. 1450, waslilna f'kitba ta' c. 1530) insibu sewwasew tweġiba għal dan: Waqgħet hi mrammti, l'ili żmien nibni. M'għandniex xi ngħidu, billi din hija poeżija, il-poeta nqeda b'din il-possibilità biex iqassar il-vers għat-tul mixtieq.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra