Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X'inhi l-kelma: "ilbiraħt lura" jew "ilbiraħtlula"?

Biex jirreferu għall-jum ta' qabel ilbieraħ, missirijietna kienu jużaw "l-ewliemes" (l-ewwel  iemes: ams bl-Għarbi tfisser "ilbieraħ"). Din illum m'għadhiex tintuża. Prattikament mietet, u għadhom jiftakruha biss xi anzjani u, m'għandniex xi ngħidu, xi dilettanti tal-Malti.

Minflokha nużaw ilbiraħtlula, bil-l fl-aħħar u mhux bir-r. Fl-Għarbi u fil-Malti qadim, il-kelma l-ewwel ma kinitx invarjabbli (ma tinbidilx) imma kellha forma mask. (l-ewwel) u forma fem. (l-ula), qisha minflok l-eww(e)la. Din fl-Għarbi Standard Modern għadha tinstab u tintuża, imma f'ħafna djaletti tal-Għarbi, u anke fil-Malti, intilfet. Imma spiss jiġri li kelma tmut, iżda tħalli xi forom tagħha, forom orfni, warajha. L-ula ma tintużax fil-Malti, imma għad fadlilna tifkira tagħha fil-frażi ffossilizzata lbiraħtlula (< lbieraħt + l-ula = "l-ewwel bieraħ, i.e. lbieraħ ta' qabel, jew ilbieraħ tal-bieraħ").

L-etimoloġija popolari, li għandha ħabta "ddawwal" b'inġenjożità kbira l-kliem li hu mudlam għax ma tifhmux hi, ġiegħlet lil ħafna jippruvaw jifhmuha llum u jfissruha bħala: lbieraħt + lura = "li tmur iktar lura", għalkemm x'aktarx xorta -lula jkunu jlissnu.

Fil-verità dik hi, ngħiduha u niktbuha: ilbiraħtlula.

 

U, jekk xejn, għax mhux ilbieraħtlula?

Niktbu ilbieraħ (bl-aċċent fuq l-ie) imma ilbiraħtlula (bl-aċċent fuq l-u - għalhekk l-ie tiqsar u tiġi i, bħal f'missier/missirijiet).

 

U la qegħdin fiha:

1. Tajjeb insemmu li f'Għawdex minflok din il-kelma tintuża ħafna "qabel ilbieraħ".

2. Il-frażi pitgħada hi ffurmata minn pit = bagħd (li tfisser "wara") - f'dan il-każ "wara għada".

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra