Differenzi bħal dawn fil-vokali qosra, mhumiex differenzi serji fil-Malti. Basta l-vokali tinżamm f'postha.
Il-Malti msejjes fuq il-konsonanti, u f'ħafna forom differenza fil-vokali mhix ħaġa serja, hija sempliċi kisra differenti. Għalhekk xi dizzjunarji jagħtuhom bħala varjanti, għalkemm anke fost żewġ varjanti jista' jkollok waħda inqas użata jew qadima, u oħra iktar komuni. Hekk insibu: ħusbien / ħosbien; dolliegħa / dulliegħa. F'dawn it-tnejn, tal-ewwel għandha tendenza li titqies qadima u naqset mill-użu.
Insibu wkoll oħrajn bħal: ma kenux / ma kinux; irċevejt / irċivejt; beżlin / biżlin. Dawn kollha tajbin.
Hemm ukoll xi vokali qosra li hawn min idaħħalhom u hawn min iwaqqagħhom, eż. qalilha JEW qallha. Dawn it-tnejn tajbin imma hemm tendenza li l-verżjoni li żżomm il-vokali qasira (qalilha) titqies aktar formali.
Prof. Manwel Mifsud
|
<Ara l-mistoqsijiet l-oħra
|