Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Ġieli nisma' "xtaqt ingħid" flok "xtaqt ngħid". Din tajba?

Kos, għaliex inżidu l-i fil-bidu: "xtaqt ingħid" jew "xtaqt ngħid"; "il-ktieb ingħata" jew "il-ktieb ngħata"?

It-tnejn jingħadu u t-tnejn tajbin.

L-ewwel għażla (ingħid; ingħata) tfakkarna li l-konsonanti fil-Malti kienet imlissna fl-antik. Meta kienet għadha ma tilfitx il-ħoss tagħha, kellha l-effett tal-konsonanti l-oħrajn kollha. Għalhekk, bħalma ngħidu: "qed inħit" kienu jiktbu "qed ingħid". Imma llum il-maġġoranza tal-Maltin l- ma jlissnuhiex, u ħafna jużaw "qed ngħid".

Jekk immorru lura fiż-żmien, frażi bħal: "il-ktieb nata" ma kinitx possibbli, għax hawn l-n (li hi konsonanti likwida) ġiet imħaxkna bejn iż-żewġ konsonanti b u għ. Għalhekk il-vokali tal-leħen kienet meħtieġa biex tifred il-grupp tal-konsonanti: "il-ktieb inata".

Imma maż-żmien il-lingwa Maltija baqgħet tinbidel f’ħafna aspetti. Fost dawn insibu li l- tilfet leħinha u ma baqgħetx tinstema’. Malli seħħ dan, il-frażi "il-ktieb ngħata" reġgħet saret possibbli, għax l-n fiha mhix imħaxkna bejn 2 konsonanti, ladarba min-naħa tal- għandha ħoss ta’ vokali.

U l-istess f’tant frażijiet oħra, bħal: "kont ngħaddi", "bdejt ngħabbi", "bqajt ngħodd".

Dawn tajbin kemm mingħajr il-vokali tal-leħen u kemm biha. Tajbin mingħajrha għax hu l-mod kif jippronunzjaw illum il-biċċa l-kbira tal-Maltin. Tajbin biha għax għad hawn ħafna nies li jdaħħlu l-vokali tal-leħen bħal dari, anke jekk illum m’għandhomx għalfejn. Iżda jiġri li, meta tindara pronunzjaha, ikun diffiċli li tibdilha, allavolja ma tkunx strettament meħtieġa.

Tant hu hekk li mijiet ta’ snin wara li saret din il-bidla, aħna għadna ngħidu: "Wied il-Għajn", avolja "Wied l-Għajn" kien ikun biżżejjed. Ċerti binjiet oħra fl-istat kostrutt, bħal "Ħadd il-Għid", "Wied il-Għasel" u "Dar il-Hena" tant indraw, li ħafna minna lanqas tiġihom f'ħalqhom "Ħadd l-Għid", "Wied l-Għasel" u "Dar l-Hena". Fil-fatt, meta tgħidhom u tiktibhom hekk tħosshom strambi tassew!

Kif jidher mill-eżempju ta' "Dar il-Hena", qed jiġri l-istess bil-konsonanti siekta l-oħra (h). Anke fi frażi bħal "qed nhewden ~ qed inhewden".

It-taħdit u l-kitba tagħna llum mimlijin b’koppji alternattivi bħal dawn, li jgħixu feliċement flimkien.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra