Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X'ngħidu: tliet tadamiet "imqattgħa" jew "imqattgħin"?

Huwa normali li fil-Malti nużaw aġġettiv fil-femminil singular ma' nomi fil-plural ukoll, imma dan japplika għal ċerti aġġettivi biss, u l-aktar għall-partiċipji (attivi u passivi) u għall-aġġettivi relattivi (għalkemm hawn aktarx ikollhom "xeħta letterarja").

F'dawn kollha, il-plural jista' jsir jew bit-tarf -in inkella bit-tarf -a.

eż. partiċipju attiv:     Rajt ħafna tfal resqin/riesqa lejja.
      partiċipju passiv: Konna mdawrin bil-lampi mixgħulin/mixgħula.
      aġġettiv relattiv:   Iltqajt ma' bosta persuni dħulin/(dħulija).

Mela nistgħu ngħidu li għandna klassi ta' aġġettivi li fihom il-plural jista' jispiċċa -in jew -a.

Imma dan ma jfissirx li ma' kull nom fil-plural tista' tuża l-aġġettiv "femminili" -a. Ngħidu aħna, ma tistax tuża aġġettivi bħal: ġdid/ġdida/ġodda; Taljan/Taljana/Taljani; żgur/żgura/żguri jew estrem/estrema/estremi b'dan il-mod. Għax il-plural ta' dawn (u ħafna oħra) m'għandux varjant bl--a.

Fil-fatt, ma nistax ngħid: stejjer qadima, partiti ġdida, aħbarijiet żgura u partiti leminija (jew lemininestrema għax il-Maltin ma jaċċettawhomx.

Fl-aħħar nett tajjeb ngħidu li għandna l-aġġettivi vojt/vojta/vojti li mhux partiċipju jew relattiv u li jista' jieħu l-forma "femminili" -a għall-plural: eż. fliexken/kaxxi vojta).

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra