Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Qaluli nikteb "l-inka" mhux "linka". Din tajba?

Każi bħal linka (< l-inka) u larinġa (< l-arinġa) huma żviluppi storiċi, interessanti kemm tridhom, imma li fihom dik il-l (li oriġinarjament kienet l-artiklu) illum ma għandha l-ebda sens ta' artiklu u m'għadhiex tinħass bħala artiklu mill-kelliema tal-Malti.

Meta norbtu l-artiklu ma' kelma u nqisuhom ħaġa waħda, inkunu għamilna agglutinazzjoni tal-artiklu. Meta nifirdu xi konsonanti integrali għax noħduha b'artiklu, inkunu qed nagħmlu deglutinazzjoni tal-artiklu. Din komuni ma' kliem li jibda bil-l. Imma ssibha anke fi kliem li aktarx jibda b'konsonanti likwida.

Ftit eżempji ta' agglutinazzjoni fil-Malti:

Mill-Għarbi: lifgħa (Għ. 'afgħa), ilma (Għ. ma), liżar (Għ. 'iżar).

Mir-Rumanz (Sqalli/Taljan): larinġa (T. arancia), laptu (T. abito), lamtu (T. amido), lasta (T. asta), lixka (T. esca), liedna (T. edera), lembut (T. imbuto), loppju (T. oppio), lexxuna (T. ascione).

U eżempji ta' deglutinazzjoni:

Mir-Rumanz (Sqalli/Taljan): injam (T. legname), ajk (T. laico), ittra (T. lettera), anterna (T. lanterna), *otterija (T.>M. lotterija), *użarju (l-użarju<rużarju), *itratt (l-itratt<ritratt), *ofstanhari (l-ofstanhari<nofstanhari).

Bħal dawn l-eżempji tal-aħħar (immarkati bi stilla) hemm oħrajn u bosta minnhom kienu jingħadu (aktarx mill-monolingwi) imma ma jinkitbux.

Fid-deglutinazzjoni, "tħarbat" kelma, u dan aktarx tagħmlu ma' kliem li ma tifhmux meta tisimgħu. Għalhekk ma tantx issib deglutinazzjoni fil-Malti ta' nisel Għarbi.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra