Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Fil-kunjomijiet nużaw ittri tal-Malti?

Il-kunjomijiet Maltin bdew jinkitbu fil-Medjuevu, qabel ma ġie stabbilit l-alfabett uffiċjali tal-Malti. Għalhekk inkitbu dejjem bl-ittri Sqallin ta' dak iż-żmien u tradizzjonalment baqgħu jinkitbu hekk, mingħajr l-għeliem dijakritiċi.

Għalhekk, niktbu: Zammit, Buttigieg, Borg, eċċ.

Madankollu, fi żmienna, ġieli kien hemm xi awturi li riedu jagħtu bixra oriġinali lil kunjomhom billi jużaw l-ittri Maltin, bit-tikka jew b'rashom maqtugħa. Imma kitba bħal din mhix uffiċjali quddiem ir-Reġistru Pubbliku u jużawha biss fil-kotba.

Il-kunjom huwa wirt storiku personali u l-fatt li jinkiteb bl-ortografija Taljana m'għandux jitqies bħala inkonsistenza fil-kitba bil-Malti. F'lingwi oħra wkoll jeżistu kunjomijiet "barranin" u dawn ma jibdluhomx lanqas skont l-ortografija u l-pronunzja tal-lingwa tagħhom.


U allura għaliex għandna kunjomijiet b'żewġ verżjonijiet, bħal Scerri u Xerri?

Il-kitba qadima bix-x tal-Isqalli (issibha wkoll fil-Katalan) tibda tidher fil-Malti sa mill-1419, filwaqt li l-kitba sc hija l-verżjoni iktar reċenti tal-perijodu tal-Kavallieri u ġejja direttament mit-Taljan. Fid-dokumenti l-qodma, dan il-kunjom kien jidher "Xerri" u mbagħad in-nutara bdew jagħtuh bixra Taljana għal "Scerri". Kunjomijiet oħra, bħal Schembri Sciriha għaddew mill-istess bidla.

Tajjeb li wieħed ifakkar li l-eqdem kompożizzjoni Maltija, il-Kantilena, li waslitilna f'kitba ta' madwar l-1530, tibda sewwasew bil-kelma "Xidew".

Għalhekk, meta naraw "Xerri", wisq probabbli jkollna l-forma qadima (ta' qabel "Scerri") li b'xi mod baqgħet fil-memorja tal-kitba tal-kunjom.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra