Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Għaliex niktbu "prietka" bit-t, imma mbagħad "predikatur" bid-d?

Fil-Malti l-kliem niffurmawh b'żewġ modi ewlenin: bl-għerq jew biz-zokk morfemiku.

Il-kliem Semitiku (mill-Għarbi) għandu l-għerq. Ir-regoli tal-għerq huma ċari: il-konsonanti tiegħu jridu jibqgħu l-istess u jżommu l-istess ordni f'kull kelma li nnisslu minnu. Għalhekk mill-għerq r-s-q noħorġu resaq, resqa, (i)mressaq, eċċ; minn s-r-q niktbu seraq, serqa, tisraq, misruq eċċ u minn q-r-s niktbu qaras, qarsa, noqorsu, maqrus eċċ.


Mill-banda l-oħra, il-kliem li ġej mit-Taljan (bħal prietka u predikatur) jew mill-Ingliż (bħal kompjuter) m'għandux għerq. Lanqas kliem ieħor mit-Taljan bħal impjegat u kkalkula, m'għandu għerq. Minflok għandu zokk morfemiku (bl-Ingliż, stem) - parti mill-kelma tibqa' dejjem l-istess u magħha nżidu l-"prefissi" (fuq quddiem) u s-"suffissi" (fuq wara).

Mela jekk nieħdu "ikkalkula", iz-zokk tagħha huwa -kalkul-. Miegħu nistgħu nżidu "affissi" (fuq quddiem u wara) kif ġej:

kalkul-atur
ik-kalkul-a
ik-kalkul-at
eċċ.

Maz-zokk -impjeg- inżidu:

impjeg-at
impjeg-a
impjeg-atur
eċċ.

Innota li n-nom "impjieg" mhux maħruġ miz-zokk morfemiku "impjeg". Dan għaliex iz-zokk morfemiku ta' "impjieg" huwa differenti. Ir-relazzjoni grammatikali ta' bejn "impjegat" u "impjieg" issibha fit-Taljan, imma mhux fil-Malti. Fil-Malti nittrattawhom bħala żewġt izkuk differenti u filwaqt li ma' -impjeg- żidna diversi affissi, ma' impjieg żidna biss is-suffiss -i tal-plural: impjiegi.


Mela, fi ftit kliem, iz-zokk morfemiku huwa dik il-parti mill-kelma li tibqa' l-istess, bħaz-zokk ta' siġra, biż-żidiet miegħu fuq quddiem jew fuq wara, bħall-friegħi li ħerġin miz-zokk tas-siġra. Dan iz-zokk ġeneralment niktbuh kif jinħass, ħlief jekk il-konvenzjoni tkun tgħid mod ieħor. L-unika ħaġa li ma niktbux kif tinħass hija l-aħħar konsonanti. Fil-każ ta' impjieg, nisimgħu k (*impjiek) imma niktbu g għax meta nżidu vokali warajha hekk nisimgħu - impjieg-i. Bħalha, impjegatur.


Fil-każ ta' prietka u predikatur qed nitkellmu fuq -predik- u prietk-. Il-konsonanti k tiġi ddeterminata mill-vokali li jkollha warajha. (Din hi l-istess raġuni għaliex niktbu issekonda bid-d u skontok bit-t).

Fil-Malti għandna l-konsonanti mniffsa bħat-t, il-k, il-p, is-eċċ. u l-konsonanti mleħħna bħad-d, il-g, il-b, iż-ż eċċ. Bħala regola ġenerali, kull meta żewġ konsonanti jiltaqgħu wara xulxin, bħal fi prietka, l-aħħar konsonanti tikkundizzjona lil ta' qabilha biex tkun bħalha. Jiġifieri jekk l-aħħar waħda tkun imniffsa (fil-każ tagħna k), ta' qabilha trid tkun imniffsa wkoll, (għandna t). Ma tistax tkun imleħħna (d). Fil-fatt, anki jekk tipprova tlissinha, tbati u tinstema' stramba.

 

Hekk ukoll niktbu magna u makkinarju. Tal-ewwel ġejja mit-Taljan macchina, li tagħtina *makna. Imma (minħabba n-n ta' warajha, il-k tinstema' g: magna. Il-fonetika tissuġġerilna niktbu magna, anke jekk imbagħad il-k tibqa' tidher fi kliem bħal makkinarju, li ġej minn zokk morfemiku differenti.

Għalhekk ukoll niktbu vista (mhux viżta), minkejja li għandna viżitatur.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra