Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: "X'ħin" jew "xħin" it-tnejn tajbin?

Jeżistu ż-żewġ forom: xħin u x'ħin, u dawn ma jfissrux l-istess, għax f'tal-ewwel iż-żewġ kelmiet xi u ħin għandhom tifsira waħda flimkien, waqt li f'tat-tieni t-tifsiriet tagħhom għadhom separati.

  • xħin - tfisser "meta..., filwaqt li..." (eż. xħin kont dieħel, ħbatt miegħu; xħin trid, immorru)
  • x'ħin - tfisser "liema ħin" (eż. x'ħin se nagħżlu għat-tellieqa? insejt x'ħin tani biex niltaqgħu)


Mela:

"xħin se nagħżlu?"  tfisser "at what time shall we choose?" li tirreferi għall-ħin tal-għażla, imma

"x'ħin se nagħżlu?" tfisser "which time shall we choose?" li tirreferi għall-ħin (ta' attività, eċċ.) li se nagħżlu.

 

Id-dokument uffiċjali tad-Deċiżjonijiet 1 (mhux il-lista alfabetika, li hija prattika imma mqassra) f'Appendiċi A jagħti lista sħiħa ta' kliem li jingħaqad, bħal xħin, imma fil-bidu (p. 12) jgħid ċar: "Il-kliem li ġej għandu jinkiteb magħqud meta jkollu tifsira waħda, kif għandu fl-eżempju."

Dan ifisser li jekk kliem bħal dan ma jkollux tifsira waħda, allura jibqa' jinkiteb mifrud (bħal x'ħin). Fl-istess ħin, lanqas ma jfisser li kull kelma tinkiteb magħquda.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra