Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Ġieli nara "ta' l-" u "tal-". It-tnejn tajbin?

Sa ftit snin ilu, il-prepożizzjonijiet bħal "ta' + l-artiklu" kienu jinkitbu bi 3 modi fil-Malti:

tal- quddiem konsonanti (eż. tal-kompetizzjoni, tal-gwardjan)
ta' l- quddiem vokali (eż. ta' l-armar, ta' l-iskola)
tal- jew ta' l- quddiem għ jew h (ta' l-għaqda/tal-għaqda, ta' l-hena/tal-hena)

Kienet biċċa lussu lingwistiku, piż li seta' jitħaffef bla dannu. Mal-kwistjoni tat-tal- jew ta' l- quddiem l-għ u l-h, il-Kunsill tal-Malti ħass li kellha tittieħed deċiżjoni li tiċċara u tħaffef l-affarijiet anke fejn tidħol it-tal- quddiem vokali. Kienet qed issir distinzjoni li ma kienet xejn ċara għal kulħadd indaqs u li kienet tiswielna iktar milli tagħtina.

L-għalliema, ngħidu aħna, ilkoll jifhmu kemm ftietaq bla siwi bħal dawn itaqqlu l-kitba tagħna għalxejn u jistgħu jitħaffu. U l-Kunsill tal-Malti ħaseb mhux biss f'dawk li jaħdmu regolarment bil-kitba, imma anke f'dawk il-Maltin, li bil-Malti jiktbu ftit u mhux kuljum, u li d-distinzjonijiet sottili aktarx jgħaddu minn fuq rashom. Għax il-kitba, li laħqet l-aqwa tagħha meta ġiet demokratizzata, ma għandhiex terġa’ ssir mezz esklużiv għal xi tip ta’ elit. Eżaminajna ħafna kitba biex naraw kemm effettivament kienet qiegħda ttellef, qabel ma ddeċidejna fuqha.

Ir-regola 3.2.6 tad-Deċiżjonijiet 1 tistabbilixxi li ma tagħmilx distinzjoni, imma ikteb dejjem "tal-" magħquda, kemm jekk il-kelma ta' warajha tkun bil-konsonanti jew bil-vokali, kif ukoll bl- jew l-h. Dan jgħodd ukoll għall-prepożizzjonijiet ġo, ma', sa.

 

Mela ikteb:

Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Ħal Luqa.

Il-mistoqsija tal-kompetizzjoni.

L-istatut tal-aqda.

U bl-istess mod, ġol- mal- u sal-

Hekk qed isibuha eħfef ukoll dawk li għadhom se jitgħallmu l-Malti għax ma jkollhomx għalfejn jiddeċiedu bil-quddiem għandhomx jiktbu l-waħda jew l-oħra bħal qabel. Li tikteb dejjem mod wieħed, konvenjenti ħafna aktar.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra