Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Liema hi t-tajba: "ħtiġiet" jew "ħtiġijiet"?

Fil-Malti, fost is-suffissi tal-plural insibu kemm -iet u kemm -ijiet.

Hemm it-tendenza li l-kliem li fis-singular jispiċċa bl-jieħu -iet (eż. ġrajja/ġrajjiet), u l-kliem li jispiċċa b'konsonanti jieħu -ijiet (eż. missier/missirijiet). Imma din mhix xi regola stretta mija fil-mija. Skont din it-tendenza, allura, wieħed iktar jistenna li l-plural ikun ħtiġiet, u fil-fatt issib min jissuġġerixxi li tuża ħtiġiet.

IMMA fil-lingwa hemm iktar minn dinamika waħda, kif fit-temp hemm iktar minn riħ wieħed... u ġieli riħ ikun kontra ieħor u jegħlbu jew jitħallat miegħu. Fil-fatt, fil-Malti hemm tendenza kurjuża li ċerti "zkuk" qosra jitwalu. Aktarx li kienet din ir-raġuni għaliex ħafna Maltin il-kelma ħtiġiet iħossulha xi ħaġa nieqsa u waslu biex adottawlha wkoll is-suffiss -ijiet: ħtiġijiet.

Ma hemm xejn ħażin - min jgħid waħda u min jgħid l-oħra. It-tnejn meqjusa tajbin.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra