Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: Tikteb: "uċuħ" jew "uċuh"?

Dari fil-Malti kont issibha miktuba bl-h għax fl-Għarbi għandha l-akka, imma fl-Aġġornament tal-1992 (It-Tieni Parti, 2) insibu r-regola li, meta l-akka ta' xi għerq titlissen dejjem ħ, għandha tinkiteb ħ.

Għaliex wiċċ għandha plural wċuħ? Mnejn ġiet dik il-ħ?

Din storja li toħodna fl-etimoloġija, i.e. f'nisel il-kelma. Fl-Għarbi l-kelma hija waġh, bil-plural wuġuuh. Mela, kif tara, fl-Għarbi l-għerq ta' dil-kelma hu regolari għalkollox: W-Ġ-H.

Imma meta daħlet fil-Malti, minn waġh saret wiċċ (flok wiġħ), jiġifieri l-ewwel seħħet assimilazzjoni rigressiva parzjali (ĠĦ > ĊĦ), imbagħad assimilazzjoni progressiva sħiħa (ĊĦ > ĊĊ). Din l-aħħar bidla ma seħħitx fil-plural (li baqa' wċuħ) minħabba li hawnhekk iċ-Ċ u l-Ħ mhumiex imissu ma' xulxin. B'dan it-tibdil kollu, nistgħu nqisu dan l-għerq bħala irregolari (WĊĊ~WĊĦ).

Ta' min jgħid ukoll li l-kelma weġġaħ (= "wera rispett lil xi ħadd") storikament ġejja mill-istess għerq, u kellha s-sens ta' "ħares lejn, ta kas ta' xi ħadd, sema' min". Imma din żammet l-għerq oriġinali tal-Għarbi.

Prof. Manwel Mifsud

Għadek kurjuż? Mela kompli aqra din.

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra