Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: "Lejlet" jew "lejliet" il-festa?

Ngħidu lejla, li bit-ta marbuta tiġi lejlet, imma li aktarx nisimgħuha lejlit il-festa (= il-lejla tal-festa), tant li ħafna jaħsbu li għandna niktbu "lejliet il-festa", meta fil-fatt naqblu lkoll li nkunu qed nitkellmu fuq lejla waħda. Il-kelma lejliet (bl-ie) tintuża għall-plural.

L-istess bidla sseħħ fil-kelma sura, imbagħad (bit-ta marbuta) suret. Imma kultant fil-pronunzja iktar toħroġ surit għax isseħħ armonija bejn il-vokali. Għalhekk sikwit nisimgħu "surit in-nies" (minflok "suret in-nies"), imma din m'għandniex inħawduha mal-plural suriet li għandha tintuża biss meta nkunu qed infissru plural.

Fl-aħħar mill-aħħar, suret/surit u lejlet/lejlit mhumiex ħlief varjanti ta' xulxin li ġejjin mill-fatt li l-vokali qosra fil-Malti ta' sikwit ma jkunux fissi żżejjed. L-istess tip ta' varjanti bħalma nsibu fi kliem ieħor li naċċettawh miktub fiż-żewġ forom tiegħu: messew/missew, (ma) berkux/birkux, eċċ.

 

U la qed nitkellmu fuq din il-lejla, għaliex ngħidu "lejlet il-festa" meta fil-fatt inkunu qed nirreferu għal-lejl ta' qabel il-jum u l-lejl proprji tal-festa?

Jiġifieri, jekk il-festa tkun se taħbat fl-20 ta' Lulju, għaliex insejħu "lejlet/lejlit il-festa" lil-lejl ta' bejn id-19 u l-20 u mhux lil-lejl ta' bejn l-20 u l-21, meta fil-fatt il-festa tilħaq l-aqwa tagħha?

L-ispjega għal dan il-fatt kurjuż hija waħda storika. Irridu niftakru li dari l-qofol tal-festa kien filgħodu. Hekk għadhom il-festi tradizzjonali tal-Maltin, bħall-Imnarja (l-Imdina u l-Buskett) u San Girgor (iż-Żejtun u Marsaxlokk), li l-purċissjoni tagħhom (u mbagħad il-quddiesa solenni bil-paneġierku) issir filgħodu. Hekk għadha ssir ukoll il-festa ta' Santa Liena f'Birkirkara. Fil-fatt il-biċċa l-kbira tal-festi bdew jiċċelebraw il-qofol tal-festa tagħhom filgħaxija, u dan forsi ġara meta l-logħob tan-nar ħa ċerta importanza, li ovvjament jitgawda aħjar meta jaqa' d-dlam.

Mela la l-qofol tal-festa kien, ngħidu aħna, l-20 ta' Lulju filgħodu, kien hemm lejla waħda ta' festa, dik li tiġi sewwasew qabilha. Għalhekk "lejlet il-festa" kienet tiġi l-lejla 19-20 ta' Lulju, lejla ta' mistennija kbira.

Il-lejla ta' nhar il-festa proprja kienet tkun vojta minn kull attività importanti, u żgur ma kinitx lejlet il-festa.

Jorbot ma' dan, il-fatt li, lill-Karkariżi li baqgħu (mhux bdew) jiċċelebraw il-festa tagħhom filgħodu, in-nies ta' xi rħula qrib kienu jinbxuhom billi jgħidulhom li filgħodu jiċċelebraw il-festa u flgħaxija jmorru jaqtgħu l-ħarrub (jiġifieri jidħlu għax-xogħol), għax naturalment kienet bdiet tinħass stramba li l-qofol tal-festa jkun filgħodu u mbagħad filgħaxija jkun vojt, bla ċelebrazzjonijiet ewlenin fuq barra. Il-vojt taċ-ċelebrazzjoni lejlija xi ftit jew wisq jinħass, iktar u iktar illum li d-dawl elettriku tawwal il-jum mhux ftit u li ż-żgħażagħ iħobbu jiffesteġġjaw sa biċċa sewwa tal-għodwa ta' wara.

Kos, id-drawwiet u l-modi jinbidlu, imma l-kliem ta' sikwit jibqa' ingastat fl-istorja - tifkira ħajja ta' użanzi li għaddew.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra