Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X'għandi nuża: "intik" jew "nagħtik"?

Il-forma sħiħa hija nagħtik, u l-għerq tagħha huwa għ-t-j. Il-kurjuża hi li dan l-għerq:

fl-Imperfett jitlef l-aħħar konsonanti tal-għerq: -t-(j), eż. nagħti (għax verb nieqes, jiġifieri l-aħħar konsonanti hi dgħajfa),

u fil-Perfett jitlef l-ewwel konsonanti tal-għerq: (għ)-t-j, eż. tajt (għax l- f'dil-pożizzjoni ġieli tbati).

Biss, anke fl-Imperfett/Imperattiv ġieli tintuża l-forma mqassra (mingħajr ): nagħtik/ntik, jagħtuk/jtuk, agħtuni/tuni, agħtih/tih.

Issa ġieli ssib min jgħidlek li din mhix tajba. Imma l-fatt li hija forma mqassra ma jfissirx li mhix tajba. Hekk, ngħidu aħna, qed hija l-forma mqassra ta' qiegħed/qiegħda/qegħdin, u ser hija l-forma mqassra ta' sejjer/sejra/sejrin, imma xorta jitqiesu tajbin. U dan jgħodd ukoll għall-forom imqassra ntik, eċċ.

Dan huwa kkonfermat ukoll mil-letteratura. Pereżempju, innu klassiku ta' Dun Karm jibda: "Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema..." Anke David Azzopardi kitbilna kanzunetta sabiħa u popolari li tgħidilna: "Tini jdejk, jekk trid li naslu..."

Għandna żewġ forom - waħda mqassra u l-oħra sħiħa - tajbin it-tnejn, uża dik li tippreferi.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra