Fil-Malti għandna kliem bħal
ksur (nom verbali) kisra (nom verbali tal-unità - waħda) u kisriet (plural magħdud).
Bħalha: ftehim (nom verbali) - ftehima (nom tal-unità) - ftehimiet (plural magħdud)
- ftehim tagħti l-kunċett ġenerali, il-fatt li wieħed ikun lest biex jiftiehem ma' ħaddieħor (eż. "il-ftehim bejn l-aħwa sabiħ"). Importanti li n-nom verbali "ftehim" ma jintużax fil-plural. - ftehima tiġi okkażjoni waħda ta' "ftehim", akkordju ta' darba. Mela strettament meta jiġi ffirmat akkordju suppost għandu jingħad: "saret ftehima bejn Malta u l-Belġju". - ftehimiet tiġi l-plural ta' ftehima.
Issa fil-prattika sikwit jiġri li l-azzjoni waħda, li għaliha hemm in-nom tal-unità, titwassal permezz tan-nom verbali. Dan isir għax, fl-aħħar mill-aħħar, meta jseħħ akkordju wieħed, dan ikun twettiq wieħed tal-ftehim inġenerali; ftehim ta' darba.
Innota li ngħidu wkoll: "wara l-quddiesa ssir il-ġabra" jew "wara l-quddiesa jsir il-ġbir", għax kull "ġabra" hi każ wieħed ta' "ġbir".
L-istess ġara fil-każ ta' "ftehim". Meta xi ġurnalisti bdew jużaw in-nom verbali (ftehim) flok in-nom tal-unità (ftehima) għal azzjoni waħda (eż. "ġie ffirmat ftehim" flok "ġiet iffirmata ftehima"), ma kien ġara xejn u kulħadd fehemhom. Imma mbagħad meta ġew bżonn il-plural, sabu ruħhom fi sqaq. Kieku kienu użaw "ftehima", allura kienu jkunu jistgħu jużaw il-plural "ftehimiet". Minflok hekk, xi wħud biddlu l-istruttura tal-kelma għax bdew jużaw "ftehim" (li hija singular) bħala plural, f'espressjonijiet li mhumiex grammatikalment korretti, bħal: "ġew iffirmati żewġ ftehim" (flok "żewġ ftehimiet"). B'hekk ħarġu b'nom verbali li hu invarjabbli, jiġifieri bħal speċi jibqa' l-istess fis-singular u fil-plural!
U dan mhux ma' "ftehim" biss, għax sikwit tisma' xi żarżira bħal: "Se jkun hemm ħames ġbir" minflok "Se jkun hemm ħames ġabriet".
L-istess ħaġa tgħodd għal: tkabbir - tkabbira - tkabbiriet. Dawn ukoll huma grammatikalment korretti, u fil-fatt joffru l-medda kollha tal-forom meħtieġa. Għax il-lingwa bħan-natura, meta tbagħbas iżżejjed magħha taf tagħtik it-tagħlima tagħha. Bil-kwiet.
Trid taqra aktar?
In-nomi verbali jġibu ruħhom bħall-kollettiv. Dawn huma ftit eżempji:
Kollettiv (Nom tat-Tip) |
|
Nom tal-Unità |
|
Plural Magħdud |
ful |
|
fula |
|
fuliet |
bini |
|
binja |
|
binjiet |
injam |
|
injama |
|
injamiet |
briks |
|
briksa |
|
briksiet |
Kompli aqra fuqhom mill-ktiba "The Collective in Maltese" (M. Mifsud).
|