Mistoqsija u Tweġiba

Mistoqsija: X'inhu l-plural ta' "ktejjeb"?

Il-plural tad-diminuttiv (li jagħti l-idea ta' ċokon jew ħlewwa) huwa argument interessanti.

Id-diminuttiv maskili (eż. ktejjeb) jidher li ma għandux forma plurali.

Fl-istess ħin, id-diminuttiv femminili (eż. tfajla) jieħu l-plural normali ta' ħafna nomi li jispiċċaw bl-a, jiġifieri -iet (eż. tfajliet).

Imma, b'kumbinazzjoni, il-forma 12vjjv3, li taqdi lid-diminuttiv maskil (bħal ktejjeb), tintuża wkoll għal waħda mill-forom komuni tal-plural miksur (eż. ħuġġieġa/ħġejjeġ, storja/stejjer). Forsi l-eżempju klassiku hawnhekk huwa tal-kelma rħajjel li, kif jixhdu d-dizzjunarji tal-Malti, fl-imgħoddi ntużat kemm fis-sens diminuttiv ta' "raħal żgħir, hamlet" kif ukoll fis-sens plurali ta' "rħula", kif jużaha Mikiel Anton Vassalli meta jiddeskrivi z-zoni djalettali bħala l-irħajjel [= l-irħula] ta' fuq, l-irħajjel t'isfel, eċċ.

Għax il-lingwa għandha l-ekonomija tagħha, u mhux rari li tuża l-istess forma għal żewġ funzjonijiet differenti jew iktar (eż. 12ā3 tintuża (1) bħala plural: twil/twal, sabiħ/sbieħ, (2) għad-9 forma verbali: huwa twal, sbieħ, ċkien, (3) bħala nom verbali: ħlas, ħsad, skiet).

L-użu doppju tal-forma 12vjjv3 jispjega għaliex nużaw ktejjeb mhux biss bħala diminuttiv, imma wkoll (la għandha anke l-użu ta' plural) bħala "plural tagħha stess"! U hu għalhekk li qatt ma nħass il-bżonn ta' plural tad-diminuttiv maskil: l-ewwel nett għax aktarx huwa każ ftit rari li niġu bżonnu, u t-tieni għar-raġuni li ddiskutejna hawn fuq.

U għalhekk il-Malti jżomm l-istess forma għall-plural ukoll, li taf ma tkunx komda meta tismagħha għall-ewwel darba:

eż. xtrajt erba' ktejjeb, ġew biss xi seba' tfajjel, daħlu ftit xwejjaħ.

Issa hawn qed nitkellmu biss fuq id-diminuttiv tan-nom. Għax ma rridux ninsew li fuq l-istess forma nibnu diversi aġġettivi, bħal fqajjar, sbejjaħ, eċċ. Imma hawn il-problema ma teżistix, għax faċli nżidu l-plural komuni tal-partiċipji/aġġettivi -in bil-varjant -a, u jkollna fqajrin, sbejħin jew fqajra, sbejħa. U ngħidu: rgħajja fqajrin, persuni sbejħa. Dawn huma aċċettabbli aktar għal ħafna.

Issa jidher li din il-pluralizzazzjoni tal-aġġettivi diminuttivi ma tistax tissuġġerilna li nużaw l-istess soluzzjoni għall-plural tan-nomi diminuttivi. Jekk nieħdu l-istess sentenzi li tajna hawn fuq bħala eżempji, ikollna xi ħaġa bħal: *xtrajt erba' ktejbin, *ġew biss xi seba' tfajlin, *daħlu ftit xwejħin/xwejħa, li ma jdoqqux, anke għaliex -in/-a huwa plural rari ħafna man-nomi (eż. qaddisin, qassisin, snin).

Kif qed naraw, il-lingwa magħmula minn bosta sistemi u sottosistemi moħbijin li mbagħad fil-wiċċ jiddeċiedu xi jkun aċċettabbli għall-kelliem u s-semmiegħ.

Prof. Manwel Mifsud

<Ara l-mistoqsijiet l-oħra